Liema ragħaj?

the_shepherd__s_call_by_benheine-d4aro8vJiena r-ragħaj it-tajjeb (Ġw 10:11)

Illum f’Malta ma tantx għandna naraw ix-xena ta’ ragħaj jirgħa n-nagħaġ, biss żgur li ma kienx il-każ fi żmien Ġesu’, għax flimkien mas-sajd u l-biedja, dan kien xogħol komuni ħafna. F’dan il-Ħadd iddedikat għall-vokazzjonijiet, il-knisja tippreżentalna lil Ġesu’ bħala r-ragħaj li jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu biex dawn isalvaw.

‘F’ħadd ħliefu ma hemm salvazzjoni’ – Fl-ewwel qari nisbu din l-affermazzjoni qawwija li jagħmel San Pietru meta mimli bl-Ispirtu s-Santu jwieġeb lill-kapijiet tal-poplu u lix-xjuħ. Pietru jxandar lill-Kristu bħala s-salvatur tal-bniedmin minkejja li jien jaf li qiegħed jipperikola ħajtu. Din turina l-konvinzjoni li huwa kellu. Qiegħed nemmen li f’Ġesu’ biss hemm is-salvazzjoni meta imbagħad f’ħajti nqiegħed it-tama tiegħi f’ħafna affarijiet u naħli ħafna enerġija żejda f’affarijijet li ma jwassluni imkien?

L-istess idea tidher fil-paragun li jagħmel Ġesu’ bejn ir-ragħaj it-tajjeb li jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu u r-ragħaj mikri li jaħrab meta jiġu l-problemi. Liema ragħaj ħa nagħżel fil-ħajja tiegħi? Ħa nagħżel li jmexxini Ġesu’ jew ħa jmexxini l-partit, l-ideat ta’ moħħi, l-passjonijiet tiegħi, l-karririżmu sfrenat etċ… li imbagħad meta iffaċjat mil-‘lupu’ nsib ruħi waħdi? Għas-salmista l-għażla hija ċara, ‘Aħjar tiskenn fil-Mulej milli tittama fil-bnedmin’. Jien x’ħa nagħmel?

‘jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi’Din il-frażi turina kemm aħna għeżież għall-Mulej. M’aħniex numri imma lilna jafna. Ġesu’ jimpurtah minna. Kemm drabi naħsbu li ħalliena, abbandunana jew għalaq widnejh għat-talb tagħna. Minkejja kollox Ġesu’ jkun hemm preżenti f’nies li jfittxu li jgħinuna u f’sitwazzjonijiet oħra f’ħajjitna.

Ejjew ma naqtgħux qalbna u nkunu u nibqagħu nagħmlu parti minn din l-merħla, li għalkemm tista tgħaddi minn wied mudlam, moħħha mistrieħ li r-ragħaj tagħha mhux ħa jħallina weħidha.

Andrea Naudi

Is-sliem għalikom

image2

L-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd meħud mill-Vanġelu skond San Luqa, jirrankontalna dehra ta’ Ġesu’ lill-appostli u lil dawk li kienu magħhom. Huwa rakkont li jiġi wara ‘provi’ oħra li jsemmi l-Evanġelista fil-versi ta’ qabel biex jurina li Ġesu’ huwa irxuxtat; in-nisa jsibu l-qabar vojt, id-dehra tal-anġli lin-nisa, Pietru jsib il-qabar vojt u d-dehra ta’ Ġesu’ lid-dixxipli t’Ghemmaws.

“Is-sliem għalikom!” – Ġesu jsellmilhom billi jagħtihom il-paċi, tislima li Ġesu’ juża ħafna darbi meta jidher lill-appostli u d-dixxipli tiegħu. Kemm nippruvaw affarijiet fil-ħajja biex insibu dik il-paċi interna, dak l-istat fejn inħossu ċerta kuntentizza bil-ħajja li qegħdin ngħixu (minkejja d-diffikultajiet li jinsabu f’kull ħajja). F’din it-tislima naraw li Ġesu’ lilna jrid jagħtina l-paċi tiegħu, paċi li tiġi minn tama ħajja fi Kristu rebbieħ fuq il-mewt, anke meta naħsbu li dak li qiegħed jitlob minna jista għall-ewwel jidher li qiegħed jassarna.

“Araw… Missuni… ħadha u kielha quddiemhom.” – Kemm –il darba l-appostli iddubitaw jew ma fehemux lil Ġesu’ anke matul il-ħajja publika tiegħu!!! Dawn huma tlett affarijiejt li Ġesu’ qal jew għamel mal-appostli u ma’ dawk li kienu hemm sakemm huma emmnu li kien Hu. Hekk ukoll jagħmel magħna. Qisu bħal jaqbdilna idejna u jibqa jagħtina sinjal wara l-ieħor biex jurina li Hu ħaj, li huwa preżenti fil-ħajja tagħna, anke fil-mumenti diffiċli tal-ħajja tagħna. Ma ninsewx li dan kollu qiegħed isir f’mument diffiċli għall-appostli, iġifieri huma bħalna għaddew minn mumenti ta’ qtiegħ il-qalb.

“Intom xhud ta’ dan” – Ġesu’ jgħid lill-appostli li huma xhieda ta’ dak kollu li bdew jesperjenzaw dak il-ħin. Aktar tard, bħalma nsibu fl-ewwel qari mill-ktieb tal-Atti tal-Appostli, Pietru jwassal ix-xhieda tiegħu lil ħaddieħor. Aħna qegħdin nagħmlu l-esperjenza ta’ Kristu irxoxt fil-ħajja tagħna? Kemm qegħdin inwasslu din l-aħbar sabiħa tal-qawmien ta’ Kristu lill-oħrajn billi noffrulhom l-għajnuna tagħna f’mumenti iebsa?

Nitolbuk Mulej tagħtina l-għajnuna li nkunu kapaċi biex bħall-appostli u d-dixxipli nkunu lesti nilqgħuk f’nofsna, biex kontinwament tkun tista toffrilna l-esperjenza tal-qawmien fil-ħajja tagħna.

Andrea Naudi

imbeżżgħin u magħluqin…

636037141990688898-1508755838_leaving-your-fears-insecurities-behindF’dan il-Ħadd tal-Ħniena Divina l-Evanġelju jippreżentalna tnejn mid-deheriet li Ġesu’ għamel lil diversi persuni wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet.

‘imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa’ –Dak kollu li d-dixxipli kienu ittamaw fih u ghexu meta Ġesu’ kienu għadu magħhom issa bħal donnu kien spiċċa fix-xejn. Il-Vanġelu jibda billi jgħidilna li kienu imbeżżgħin u li kienu magħluqin. Dan huwa fil-fatt fejn twassalna l-biża fil-ħajja tagħna jekk inħalluha taħkimna. Hija tagħlaqna u tipparalizzana!!! Ma nibqgħux nirragunaw, nirtiraw mis-sitwazzjoni diffiċli li nkunu fiha, nagħżlu li ma nieħdux deċiżjoni, u naħsbu li m’aħniex kapaċi. Nibdew niddubitaw jekk fis-sitwazzjonijiet tagħna hemmx qawmien.

‘Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej’ – Din id-dehra ta’ Ġesu’ lid-dixxipli ġabitilhom ferħ kbir. U bir-raġun li ġġibilhom ferħ kbir!!! Dan għaliex indunaw li l-mixja li kienu għamlu ma’ Ġesu’ u l-passjoni li Ġesu’ ġarrab, ma kienux għalxejn, għax hemm il-qawmien. Kemm hu ta’ kuraġġ għalina dan iż-żmien tal-Għid. Huma x’inhuma s-sitwazzjonijiet tagħna fil-ħajja, jistgħu jibdew jagħmlu sens għalina jekk narawhom fid-dawl tal-qawmien mill-imwiet li ġabilna Kristu. San Ġwann jgħidilna ċar fit-tieni qari, ‘min hu dak li jegħleb lid-dinja, jekk mhux min jemmen li Ġesù hu l-Iben ta’ Alla?’.

Għalhekk ejjew indawru ħarsitna fuq Ġesu’ irxuxtat u fil-mumenti tat-tbatija ma nħarsux lura imma b’fidi qawwija nibqgħu mixjijn it-triq li twasslna għall-qawmien miegħU.

Andrea Naudi

l-imħabba li tinsa lilek innifsek

images

Waħda mill-ikbar emozzjonijiet u xewqat li għandu l-bniedem fil-qiegħ ta’ qalbu hija li jħobb u jkun maħbub.

“Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-Waħdieni” – Din il-frażi tispjega l-imħabba bla qies li Alla għandu għalina l-bnedmin, tant li lilna tana kollox, l-Ibnu il-Waħdieni, biex aħna nsalvaw u allura nkunu miegħu għal dejjem. Dan il-ġest Alla għamlu esklussivament għalina, b’imhabba diżinteressata. Dan il-mod ta’ kif iħobbna Alla huwa mudell għalina ta’ kif aħna għandna nħobbu lil xulxin, kulħadd fl-istat tal-ħajja li jinsab fih. Kemm drabi nibżgħu jew ingergru biex nagħtu ftit minn dak li għandna ħalli nkunu ta’ servizz lil oħrajn anke lil dawk qrib tagħna. Ħafna drabi l-imħabba tagħna hija mħassra minn interessi personali. Il-vera mħabba tmur lil hinn minn anniversarji, birthdays, u festi oħra; hija dik l-imħabba li tinsa lilek innifsek u tilbes il-fardal ħalli isservi lil Alla bl-aħjar mod li tista.

“biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem” – F’dan il-qari Ġesu’ jsemmi għal tlett darbiet il-fatt li minn jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem jew ma jintilifx/ikkkundannat. Din turi l-importanza u s-serejta li Ġesu’ jagħti lir-realta’ tal-ġenna u l-infern. Għalkemm forsi tinstema xi ħaġa ovvja, din hija realta’ li sfortunatament niddeċiedu li ma tantx naħsbu jew nitkellmu fuqha. Niddeċiedu li nagħmlu li rridu u ngħixu b’tali mod li qisna ħa ngħixu għal dejjem, biss kulħadd jaf li għad jasal mument fejn iż-żmien tagħna fuq din l-art jispiċċa.

“Alla, għani fil-ħniena tiegħu, bis-saħħa tal-imħabba kbira li biha ħabbna, meta aħna konna mejta minħabba fi dnubietna, tana ħajja ġdida flimkien ma’ Kristu” – Is-salvazzjoni tagħna nafuha lil Alla, huwa hU li b’imħabba kbira jieħu l-inizjattiva biex jeħlisna mill-jasar tad-dnub. X’kobor ta’ mħabba!!! Bħalma jgħid San Ġwann fl-ewwel ittra tiegħu, ‘hawn qiegħda l-imħabba; mhux għax aħna ħabbejna ‘l Alla, imma għax ħabbna Hu u bagħat lil Ibnu biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna’. Quddiem din l-imħabba, aħna għandna għazla, jew li nirrispondu għaliha permezz tal-fidi (li bħalma jgħid San Ġakbu, irrdu nuruha mill-opri tagħna) jew li ndawwar dahri u nagħmel li rrid bil-konsegwenza li nghix hajja bla skop. Is-salvazzjoni li ġabilna Ġesu’ tatna mod ta’ kif aħna nħarsu lejn il-problemi li tagħna fil-ħajja, u dan għaliex Kristu ġabilna tama f’ħajja bla tmiem, ta’ hena bla qies.

Andrea Naudi

il-gwida tan-nisrani

background-guide-heroFl-ewwel qari naraw lil Alla jidħol f’patt mal-poplu Lhudi permezz ta’ Mose li huma jkunu l-poplu tiegħu u hu jkun Alla tagħhom u jagħtihom l-għaxar kmandamenti. Il-bażi tal-kmandamenti kollha hija l-imħabba infatti meta mistoqsi fuq liema hu l-kmandament il-kbir, Ġesu’ iwieġeb hekk; “Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.’ Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed. U it-tieni jixbhu: ‘Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.’ Ovvjament din hija xi ħaġa li aħna irridu inkun konvinti minnha u huwa dan li aħna mistedin nagħmlu f’dan ir-Randan, li nidħlu ftit fina nfusna u naraw ftit kif fil-ħajja tagħna qegħdin nħobbu lil Alla u lill-proxxmu u jekk hemmx bżonn ninbidlu għall-aħjar.

Jista’ jkun li aħna qisna bħal nagħżlu bejn il-kmandamenti, uħud iva insegwuwhom imma oħrajn le. Forsi uħud mill-kmandamenti narawhom bħala morsa li ma tħalliniex ngħixu kif irridu u bħala nuqqas ta’ liberta’. Il-kmadamenti għandna narawhom bħala l-gwida tagħna għal dixxipulat awtentiku wara Kristu. Forsi illum meta nsemmu l-kmadamenti dak li jkun jiddieħak bina.

Iva u quddiem dan kollu faċilment naqtgħu qalbna anke meta naraw soċjeta’ li qegħda tkun selettiva f’liema kmandament issegwi jew x’tifhem bihom u li faċilment aħna nistgħu ninġarru ma’ dan il-kurrent. Kulħadd jaf li huwa ħażin li toqtol il-ħajja ta’ xi ħadd, li tisraq etċ… biss huwa ħażin ukoll li toqtol il-moral ta’ dak li jkun, toqtol it-tama ta’ min żbalja, tisraq futur ta’ ħafna żgħażagħ bil-bejgħ tad-droga, li niskarta minn fuq ix-xogħol, li tagħmel il-karriera alla tiegħek tant li tasal biex tirrombla fuq kulħadd basta tilħaq, il-korruzzjoni etċ… Dawn huma kollha affarijiet li uħud minnhom mhumiex miktubin  b’mod espliċitu fil-Bibbja biss jifformaw parti sħiħa mill-ispirtu tal-kmandamenti, u li aħna ħafna drabi biex inserħu l-kuxjenza tagħna naħbuhom taħt diversi kapep fosthom, ‘Mhux fil-business qiegħed!!!’, ‘Mhux kulħadd hekk jagħmel!!!’, ‘Mhux qed nagħmel xejn kontra l-ligi!!!’.

Tajjeb li ngħidu li dan m’għandux jaqtalna qalbna anke meta naqbdu lilna nfusna qegħdin nagħmlu bil-maqlub ta’ dak li jridna Kristu. L-importanti li nagħmlu ħilitna kollha u li nitolbu lil Alla jagħtina l-ispirtu tiegħu ħalli nkunu nistgħu nkomplu l-mixja tagħna. Ejjew f’dan ir-Randan nirriflettu ftit u fil-ħajja tagħna u nibdew inkejlu l-għemejjel tagħna bir-riga tal-imħabba biex verament nkunu qegħdin nilħqu l-għan tal-kmandamenti.

Andrea Naudi

“Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu”

SART-2017-02-26-1090x639“Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu”

Il-liturġija tal-kelma ta’ dan il-Ħadd tippreżentalna lil Kristu bħala l-persuna li aħna irridu nisimgħu fil-ħajja u li b’fidi fih u bil-għajnuna tiegħu nkunu kapaċi nwettqu dak kollu li Alla jitlob minna fil-ħajja u nirbħu kull diffikulta li niltaqgħu magħha.

L-ewwel qari

“Aqbad lil ibnek il-waħdieni, li inti tħobb … u hemm offrih b’sagrifiċċju tal-ħruq” –  Quddiem ir-rakkont tal-ewwel qari, nibqa mistgħaġeb bil-fidi kbira li kellu Abraham. Nimmaġinaw ftit x’kienet tkun ir-reazzjoni tagħna kieku aħna konna minflok Abraham; qabel Alla jgħidlu biex jitlaq minn fejn kien joqgħod u jmur f’art oħra mingħajr ma jgħidlu fejn, wara jgħidlu li kellu jkollu lil Iżakk u li ‘jien nagħmel patt miegħu għal dejjem, u ma nislu warajh’ u issa qed jgħidlu biex joffrih b’sagrificcju. Forsi r-reazzjoni tagħna tkun, ‘Mulej, dan x’taħwid hu?’ jew ‘Iddeċiedi Mulej xi trid?’. Iżda quddiem dan, Abraham jirrispondi bil-fidi u jagħmel dak li jitlob minnu Alla. Hawnhekk tajjeb nirriflettu ftit fuq kif l-istorja t’Abraham tirrepeti ruħha kontinwament fil-ħajja tagħna. Ilkoll ġieli esperjenzajna mumenti fejn Alla jitlobna b’sagrifiċju dak li aħna nħobbu u dak il-ħin ma nifhmux għalfejn. Quddiem dawn l-għażliet aħna nistgħu inwieġbu bil-fidi bħal Abraham jew nirrifjutaw, ingergru, nirrabjaw etċ… Ir-riżultat t’Abraham għaliex afda f’Alla kien mhux talli issagrifika lil ibnu, talli Alla wegħdu li nislu jkun mkattar bħal ‘kwiekeb tas-sema u bħar-ramel f’xatt il-baħar’.

Is-Salm

Bqajt nemmen, mqar meta għedt: “Jiena mdejjaq ħafna!” – Dak li qed jgħid is-salmista hija esperjenza qawwija ħafna. Is-salmista ukoll juri l-istess element preżenti fil-ħajja t’Abraham u fil-ħajja ta’ kull wieħed minna. Bħalna s-salmista kellu mumenti fejn għadda minn perjodi ta’ dwejjaq, ta’ qtiegħ il-qalb, fejn ħassu qiegħed jereq, fejn beda jara dlam biss etċ… iżda quddiem dan kollu m’abbandunax il-fidi. Ippersevera fil-fidi!!! U għax baqa jemmen is-salmista jasal f’punt fejn lil Alla jgħidlu, ‘Int ħallejtli l-irbit tiegħi’. Is-salmista huwa eżempju għalina li meta nibdew inħossu li il-mixja spirtiwali qegħda taqtalna nifisna u nkunu ittentati biex nabbandunaw kollox, niftakru li dan kollu jifforma parti essenjali f’din il-mixja tagħna wara Kristu u b’hekk il-problemi nibdew narawhom f’perspettiva oħra. Inżommu quddiem moħħna il-kliem mill-ktieb ta’ Bin Sirak, ‘żomm sħiħ, biex ma tinfixilx fi żmien l-għawġ’ u nagħmlu kuraġġ bil-kliem ta’ San Pawl fit-tieni qari meta qal, ‘jekk Alla hu magħna min jista’ jkun kontra tagħna?’. Irridu nemmnu li Alla huwa dejjem preżenti anke f’dawk il-mumenti fejn ma nħossuhx, fil-mumenti ta’ diffikulta’.

L-Evangelju

 ‘Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn!’ – Ir-reazzjoni ta’ Pietru għal dak li beda jara u jħoss fit-trasfigurazzjoni ta’ Ġesu’ hija xi ħaġa sabiha. Hawnhekk it-tlett dixxipli esperjenzaw il-glorja t’Alla, dak li aħna nesperjenzaw meta mmorru l-ġenna. Hija din l-esperjenza li lilna timmotivana ngħixu tajjeb f’din id-dinja, għaliex aħna ukoll bħal Pietru irridu li qalbna tkun mimlija b’kuntentizza infinita, inkomparabli mall-pjaċir li aħna nħossu f’din id-dinja. Jekk verament nemmnu li dak li ra Pietru hu veru, allura l-viżjoni tagħna tal-ħajja u l-mewt jinbdilu. Għalina d-dinja ma’ tibqax post fejn l-għanijiet tagħna jkunu; għatx esaġerat għall-ġid u l-flus, li nirrombla fuq l-oħrajn basta nasal fejn għandi nasal, karririżmu sfrenat, post fejn jekk jien ‘ok’ kulħadd ‘ok’, imma issir opportunita’ biex nuri l-imħabba tiegħi lejn Alla bis-serjeta’ billi noħloq relazzjonijiet sani ma’ persuni oħra mingħajr ma jkolli agenda moħbija, nkun sensibli għal bżonnijiet tal-oħrajn anke tal-iżgħar fis-soċjeta’ etċ… u dan għaliex il-ħajja issir post fejn inkunu nistgħu nirrispondu għas-sejħa li għamlilna Alla , igifieri li nħobbu. Huwa meta nwieġeb għal din is-sejħa li nibda nduq ftit minn dik l-glorja li deheret fit-trasfigurazzjoni. Dawn huma sfidi li kulħadd irid jaħdem fuqhom u nibqgħu hekk sakemm immutu. Il-viżjoni tagħna tal-mewt ukoll tinbidel. Għalina l-mewt issir tlugħ fuq il-muntanja biex nitgħaxxqu bil-glorja t’Alla u biex ma’ Pietru ngħidu, ‘Kemm hu sew li aħna hawn!’

“Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu” – Għal darb oħra Ġesu’ huwa muri lilna bħala l-peruna li aħna għandna nsegwu/nisimgħu fil-ħajja tagħna. Marija ukoll fit-tieġ ta’ Kana tistedinna biex nagħmlu, ‘dak li jgħidilkom hu’. Fil-ħajja tagħna aħna mdawrin b’nies li għandhom ideat differenti tal-ħajja li xi kultant mhux dejjem jaqblu mall-Vanġelu. Jista jkun li quddiem ċerta sitwazzjonijiet aħna naqbdu lilna nfusna f’kunflitt fuq minn min ħa naqbad nisma. Jista’ jkun li qed nisma minn kulħadd (minni nnifsi, minn tal-familja, mill-partit, mill-ħbieb, mid-destin etċ…) barra minn Ġesu’ jew nisma minn Ġesu’ biss meta jaqbilli. Irridu naraw ilkoll kemm aħna fejn ħa nitfgħu widnejna ħalli nisimgħu u eventwalment naġixxu. Abraham kien dispost li jisma minn Alla anke meta forsi ma fehemx jew bil-kalkoli tiegħu ra li ma jaqbillux. Jien ħa nibqa nagħmel ta’ rasi?

‘neżlin minn fuq il-muntanja’ – Wara t-trasfigurazzjoni t-tlett appostli niżlu lura flimkien ma’ Ġesu’ biex ikomplu l-missjoni tagħhom. Aħna ukoll, minkejja li ħerqana biex immorru ngawdu lil Alla għal dejjem, l-ewwel irridu ngħixu l-ħajja f’din d-dinja u naqdu l-missjoni li Kristu jrid minna anke jekk din tkun tinvolvi sagrifiċċji kbar.

Iva, meta aħna nkunu ġeneruzi m’Alla, meta nkunu disposti li nagħmlu dak li jitlob minna (anke meta f’għajnejna jista’ jidher bħala taħwid u ġenn tal-moħħ!!!) minkejja t-tbatijiet kollha li ġġib magħha s-sitwazzjoni, aħna nsibu s-sens ta’ ħajjitna u finalment niksbu l-premju tal-ħajja bla tmiem.

Andrea Naudi

 

‘Irrid, kun imnaddaf!’

a-new-beginning.jpg

Fil-qari ta’ dan il-Ħadd, il-knisja tkompli tippreżentalna lil Ġesu’ li jfejjaq lil wieħed imġiddem, marda kiefra ħafna li barra tbatija fiżika, tikkawża ukoll esklużjoni mill-bqija tas-soċjeta’ fejn għall-Lhud kienet tfisser kastig minn Alla għal xi dnub gravi li tkun wettqet dik il-persuna.

Jitolbu bil-ħerqa, inxteħet għarkupptejh quddiemu – Il-fatt li niżel għarkupptejh jurina li l-lebbruż qed iqis lil Ġesu’ bħala Alla għax il-liġi kienet tgħid li għandek tadura lil Alla biss. Dan l-att qawwi ta’ fidi u t-talb bil-ħerqa li għamel l-imġiddem iġgħelna nirriflettu ftit fuq il-fidi tagħna f’Ġesu’. ‘Kemm qiegħed nitlob bil-ħerqa lil Ġesu’ biex ifejjani mill-mard spiritwali tiegħi?’, ‘Qiegħed ninxteħet quddiem il-ħniena tal-Mulej fis-sagrament tal-qrar?’ Huwa mingħand Kristu li aħna nistgħu niksbu il-fejqan tagħna.

Medd idu fuqu, messu – L-Evanġelista isemmi żewġ azzjonijiet importanti li għamel Ġesu’ ma dan il-lebbruż, ‘medd idu fuqu’ u ‘messu’, żewġ affarijiejt li qas kien jaddilek min moħħok li tagħmilhom lil wieħed imġiddem kif jurina tajjeb l-Ewwel Qari mill-ktieb tal-Levitiku. Iżda Ġesu’ jiddeċiedi li jmidd idu u jmissu, u dan għaliex il-liġi ta’ Ġesu’ hija l-liġi tal-imhabba li tmur lil hinn mill-mod kif naħsbu aħna. Nistgħu nqisu il-mard tal-ġdiem li kellu dan ir-raġel bħala d-dnub tagħna.

Kristu mhux talli għażel li jmiss id-dnub tagħna biex iffejjaqna minnu, talli refgħu kollu fuqu biex aħna nkunu ħielsa, kif jgħid San Pawl, ‘Alla għamlu dnub għalina’. Iva, Alla ma jitqażiżx minna, anzi dejjem jistenniena biex joffrilna l-maħfra tiegħU permezz tas-sagrament tal-qrar. Quddiem dan x-xitan jipprova jdaħlilna ħafna ħsibijiet giddieba bħal, ‘Issa ħa tmur tqerr wara li għamilt id-dnub?’, ‘Ma missekx tistħi għamilt li għamilt’.

Quddiem dan kollu Kristu illum joffrilna sfida, sfida biex naraw ftit min huma ‘l-lebbrużi’ ta’ żmienna u li bħalu nisimgħu x’inhuma l-bżonnijiet tagħhom u naraw kif nistgħu ngħinuhom. Għal kuntraju tagħna, Kristu jfittex lil min hu eskluż mis-soċjeta’ u qed ibati (l-immigranti, nies skjavi tal-vizzji, foqra, nies waħidhom, morda, ħabsin etċ…) Aħna bħalma qal San Pawl fit-tieni qari, għandna nixbhu lil Kristu u għalhekk bħalu nkunu ġenerużi u miftuħin biex noffru t-tama ta’ Kristu ma’ kull min niltaqgħu.

andrea naudi

lesti nirriskjaw?

woman sitting on her suitcase waiting for the sunset‘Ejjew warajja’

Fl-Vanġelu, l-Evanġelista San Mark jippreżentalna lil Ġesu’ jsejjaħ l-ewwel dixxipli. Huwa rakkont sabiħ ħafna għax fih aħna nistgħu naraw is-sejħa li Ġesu’ jagħmel lilna ukoll fil-ħajja tagħna. Ma ninsewx, li Alla jsejjaħ lil kulħadd biex jimxi warajh, ovvjament min bi stat ta’ ħajja u min b’ieħor.

‘ikalaw ix-xbiek fil-baħar’, ‘qegħdin isewwu x-xbiek’ – San Mark jgħidilna eżattament x’kienu qegħdin jagħħmlu l-aħwa meta sejħilhom Ġesu’. Kemm Indri u Pietru u kemm Ġakbu u Ġwanni, kienu qegħdin jagħmlu dak li normalment kienet tinkludi ġurnata tipika tax-xogħol tagħhom. Ġesu’ jiddeċiedi li jintervjeni f’ħajjithom fl-iktar mument normali tal-ġurnata. Hekk ukoll jista’ jiġri magħna. Jista jkun li Ġesu’ lilna jkellimna fl-affarijiet tal-kuljum, fl-inqas mumenti li aħna nobsru li ħa nħossuh qrib tagħna. Iva, Alla jista’ jsejħilna fil-post tax-xogħol, fil-postijiet ta’ divertiment, id-dar, mal-ħbieb, l-iskola, permezz tal-internet, fis-sitwazzjonijiet ta’ ħajjtina, etċ…

‘telqu x-xbiek’, ‘telqu lil missierhom Żebedew fid-dgħajsa mal-lavranti’ – Mument sabiħ f’dan ir-rakkont huwa t-tweġiba tagħhom għall-istedina li għamilihom Ġesu’, fejn dawn ħallew dak li kienu qed jagħmlu biex ‘marru warajh’. Il-fatt li ħallew dak li kienu qed jagħmlu jirrapreżenta li issa, iċ-ċentru tal-ħajja tagħhom inbidel u sar Ġesu’. Dak li qabel kien importanti, issa tilef postu fil-prijoritajiet tal-ħajja tagħhom. Din il-parti tal-Vanġelu tisfidana biex aħna ukoll nitilqu ‘x-xbiek’ tal-karririżmu sfrenat, tal-egoiżmu, tal-kumdita’ etċ… ħalli aħna nkunu sinjal ħaj tas-Saltna t’Alla fl-ambjenti fejn inkunu.

Tajjeb li aħna, bħall-ewwel appostli, inkunu sensittivi għall-vuċi t’Alla fir-rutina ta’ kuljum u li minkejja d-diffikultajiet li nistgħu niltaqgħu magħhom matul il-vjaġġ tagħna, nkunu lesti li nirriskjaw is-sigurtajiet tagħna biex nilqgħu l-istedina li qed jagħmlilna.

Andrea Naudi

“telqu lura … minn triq oħra”

walkingshoes735x428F’dan il-Ħadd qegħdin niċċelebraw l-festa tal-Epifanija. F’din il-festa niċċelebraw dak li jgħidlina San Pawl li, ‘il-pagani huma msejħa biex ikollhom sehem mill-istess wirt … fi Kristu Ġesu’’; l-universalita’ tas-sejħa biex wieħed jimxi wara Kristu, u li Ġesu’ ġie biex jifdi lil kulħadd.

“rajna l-kewkba tiegħu” – Bħalma nafu kien permezz ta’ kewkba li l-Maġi waslu għand Ġesu’. Probabilment dawn kienu xi nies studjużi jew tal-inqas familjari mall-istilel. Fil-ħajja tagħna aħna ukoll jista jkollna diversi affarijiet li Alla jużhom biex ikunu għalina ta’ sinjal. Alla jista jinqeda b’xi kelma li jgħidilna xi kollega tax-xogħol jew ħabib tagħna, bl-emozzjonijiet tagħna, b’xi sitwazzjoni li tkun preżenti fil-familja tagħna, bil-mużika, bl-isports, bil-media etċ… biex permezz ta’ dawn l-affarijiet aħna nersqu dejjem iktar qrib tiegħU. Ejjew aħna ukoll, bħal Maġi, inkunu attenti għas-sinjali li Alla jibgħatilna biex inkomplu nfittuħ fil-ħajja tagħna.

“mil-Lvant ġew Ġerusalemm” – Permezz ta’ din il-frażi l-Evanġelista jgħidilna li l-Maġi, malli raw l-istilla, telqu minn pajjiżhom biex jiltaqgħu ma’ Ġesu’, ovvjament bir-riskji kollha li kien jinvolvi vjaġġ. F’dan il-fatt naraw kemm meta l-bniedem isib lil Ġesu’, u jkun dispost li jiltaqa miegħU, jinsa kollox u l-għan uniku tiegħu isir li jiltaqa ma’ Ġesu’. Kemm qiegħdin nirrispondu fil-ħajja tagħna għas-sinjali li qiegħed jurina Alla? Qegħdin aħna nagħmlu l-vjaġġ li nitilqu mill-kumdita’ tagħna biex inservu lill-proxxmu tagħna, biex naqdu dmirijietna b’iktar imħabba etċ… u b’hekk niltaqgħu ma’ Ġesu’? Kuntrarju għall-Magi, il-qassisin il-kbar u l-kittieba, minkejja li kienu iktar familjari mall-kitbiet tal-profeti u mall-miġja tal-Messija milli kienu l-Maġi, jiddeċiedu li jibqgħu passivi. Minkejja li kienu daqstant viċin, baqgħu ilbogħod minn Ġesu’, qalbhom ma kinitx miftuħa biex tiltaqa miegħU. Jista jkun li aħna ukoll, għalkemm familjari ħafna mall-knisja, għadna ma ltqajniex ma’ Ġesu’?

“telqu lura lejn arthom minn triq oħra” – Il-fatt li l-Magi telqu lura lejn arthom minn art oħra, wieħed jista’ jaraħ bħala simbolu tal-effett fuq il-bniedem meta jesperjenza lil Ġesu’. Meta aħna nagħmlu l-esperjenza ta’ Ġesu’ fil-ħajja tagħna, ma nistgħux nibqgħu għaddejjin fit-triq li nkunu mexjijn fiha. Kristu jġibilna bidla fil-mod kif nħarsu lejn il-ħajja, fil-mod kif niddeċiedu, naħbsu u nitkellmu etċ… Il-ferħ li ġġib il-laqgħa tagħna ma’ Ġesu’ iġġgħelna nagħmlu għażla li ngħaddu minn triq oħra fil-ħajja tagħna.

Andrea Naudi

reġgħu lura, isebbħu u jfaħħru lil Alla

landscape-1495031594-two-women-running-along-road.jpgFl-ewwel jum tas-sena il-knisja tiċċelebra l-festa ta’ Marija Omm Alla, privileġġ uniku ta’ Marija. Fit-tieni qari, San Pawl jgħidilna li permezz tat-twelid, l-mewt u l-qawmien ta’ Ġesu’, aħna issa m’għadniex aktar ilsiera iżda ulied. Quddiem dan, wieħed jirrifletti kemm il-bniedem huwa prezzjuż quddiem Alla, tant li għollieħ għall-istat ta’ iben. Alla ma ġiex fid-dinja biex joħdilna xi ħaga, iżda biex jagħtina. Alla m’għandu bżonn xejn minn għandna, huwa l-bniedem li ma jistrieħx jekk ma jsibx lil Alla. Din hi r-raġuni li għaliha Alla sar wieħed minna, biex igibilna il-ħajja ta’ dejjem u b’hekk il-bniedem isib il-milja tiegħu. Għalhekk aħna bħar-rgħajja, mistednin biex niltaqgħu ma’ Ġesu’, biex nagħmlu l-esperjenza tiegħU fil-ħajja tagħna.

Ir-rgħajja kienu waħda mil-iktar sezzjoni ta’ nies imwarrba ta’ dak iż-żmien, iżda minkejja dan Alla jistedinhom biex jagħmlu l-esperjenza tiegħU. Ejjew aħna ukoll, bħar-rgħajja, ma niddejqux nilqgħu l-istedina li qed jagħmlilna Alla Missierna. Ma nħallux id-dgħjufija tagħna, l-iżbalji tal-preżent u tal-passat ifixkluna jew jaqtgħulna qalbna biex niltaqgħu ma’ Ġesu’.  L-importanti għal Alla huwa li illum nkunu lesti li nagħżluħ fuq kollox u fuq kulhadd. Ir-riżultat tal-laqgħa tar-rgħajja mal-Mulej kien il-ferħ, tant li l-Evanġelista jgħidilna li ‘reġgħu lura, isebbħu u jfaħħru lil Alla’. Fil-Vanġelu tidher ċara li kull min ħalla lil Alla jidħol fil-ħajja tiegħu, ir-riżultat kien dejjem kien ferħan minkejja li jkun hemm it-tbatijiet,. Huwa dan li Alla għandu x’joffrilna. Il-ferħ!!!

Andrea Naudi