l-imħabba li tinsa lilek innifsek

images

Waħda mill-ikbar emozzjonijiet u xewqat li għandu l-bniedem fil-qiegħ ta’ qalbu hija li jħobb u jkun maħbub.

“Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-Waħdieni” – Din il-frażi tispjega l-imħabba bla qies li Alla għandu għalina l-bnedmin, tant li lilna tana kollox, l-Ibnu il-Waħdieni, biex aħna nsalvaw u allura nkunu miegħu għal dejjem. Dan il-ġest Alla għamlu esklussivament għalina, b’imhabba diżinteressata. Dan il-mod ta’ kif iħobbna Alla huwa mudell għalina ta’ kif aħna għandna nħobbu lil xulxin, kulħadd fl-istat tal-ħajja li jinsab fih. Kemm drabi nibżgħu jew ingergru biex nagħtu ftit minn dak li għandna ħalli nkunu ta’ servizz lil oħrajn anke lil dawk qrib tagħna. Ħafna drabi l-imħabba tagħna hija mħassra minn interessi personali. Il-vera mħabba tmur lil hinn minn anniversarji, birthdays, u festi oħra; hija dik l-imħabba li tinsa lilek innifsek u tilbes il-fardal ħalli isservi lil Alla bl-aħjar mod li tista.

“biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem” – F’dan il-qari Ġesu’ jsemmi għal tlett darbiet il-fatt li minn jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem jew ma jintilifx/ikkkundannat. Din turi l-importanza u s-serejta li Ġesu’ jagħti lir-realta’ tal-ġenna u l-infern. Għalkemm forsi tinstema xi ħaġa ovvja, din hija realta’ li sfortunatament niddeċiedu li ma tantx naħsbu jew nitkellmu fuqha. Niddeċiedu li nagħmlu li rridu u ngħixu b’tali mod li qisna ħa ngħixu għal dejjem, biss kulħadd jaf li għad jasal mument fejn iż-żmien tagħna fuq din l-art jispiċċa.

“Alla, għani fil-ħniena tiegħu, bis-saħħa tal-imħabba kbira li biha ħabbna, meta aħna konna mejta minħabba fi dnubietna, tana ħajja ġdida flimkien ma’ Kristu” – Is-salvazzjoni tagħna nafuha lil Alla, huwa hU li b’imħabba kbira jieħu l-inizjattiva biex jeħlisna mill-jasar tad-dnub. X’kobor ta’ mħabba!!! Bħalma jgħid San Ġwann fl-ewwel ittra tiegħu, ‘hawn qiegħda l-imħabba; mhux għax aħna ħabbejna ‘l Alla, imma għax ħabbna Hu u bagħat lil Ibnu biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna’. Quddiem din l-imħabba, aħna għandna għazla, jew li nirrispondu għaliha permezz tal-fidi (li bħalma jgħid San Ġakbu, irrdu nuruha mill-opri tagħna) jew li ndawwar dahri u nagħmel li rrid bil-konsegwenza li nghix hajja bla skop. Is-salvazzjoni li ġabilna Ġesu’ tatna mod ta’ kif aħna nħarsu lejn il-problemi li tagħna fil-ħajja, u dan għaliex Kristu ġabilna tama f’ħajja bla tmiem, ta’ hena bla qies.

Andrea Naudi

Leave a comment