il-familja mqaddsa

20171224-JamesPizzuto-PC245136.jpgF’dan l-aħħar Ħadd tas-sena kalendarja, il-knisja tiċċelebra il-festa tal-Familja Mqaddsa. Fl-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd niltaqgħu ma’ Xmun, raġel li kien qiegħed b’fidi kbira jistenna li jara l-Messija, fejn dan jgħid lil Marija, li ‘sejf, jinfidlek ruħek!’.  Ftit qabel l-Evanġelista jgħidilna li Marija u Ġużeppi baqgħu mistagħġba b’dak li Xmun kien qiegħed jgħid fuq Ġesu’.

Hawn wieħed jista’ jara kemm Marija għandha tkun mudell għalina, għax minkejja t-tbatija li ħabbrilha Xmun, ma qatgħetx qalbha, iżda b’fidi kbira hi baqgħet hemm sal-aħħar ma’ binha Ġesu’ takkumpanjah sa fuq is-salib. San Ġuzepp ukoll kien bniedem ta’ fidi għax minkejja li forsi mhux dejjem fehem dak li kien għaddej minnu, xorta emmen li dak li kien qed iseħħ kien bl-opra tal-Ispirtu s-Santu u għalhekk lil Marija m’abbandunahiex.

Hija l-fidi u l-koperazzjoni mal-pjan t’Alla li tagħmel lill-Familja Mqaddsa mudell għal familji tagħna. Iva, l-familji huma parti integrali kemm fis-soċjeta’ u kemm fil-pjan t’Alla. Huwa fil-familja li Ġesu’ kien ‘jikber u jissaħħaħ’. Jista jkun li maż-żmien il-valur tal-familja bħala bejta ta’ mħabba u għaqda naqas xi ftit. Forsi il-familja ma bqajniex narawha bħala l-post fejn l’ulied jieħdu l-valuri umani u nsara, bil-konsegwenza li ħallejna dan ix-xogħol esklussivament għall-katekisti u għall-għaqdiet tal-parroċċa, meta dawn tal-aħħar għandhom ikunu addizzjoni għall-formazzjoni li tibda’ mill-familja.

Ejjew nitolbu għall-familji biex dejjem iktar jissaħħu u b’hekk ikunu huma l-ewwel ċentru tad-duttrina għal uliedna u mudell ta’ għajxien awtentiku tal-ħajja nisranija u għal dawk li qed jippreparaw għaż-żwieġ biex f’din il-ġurnata jifmhu dejjem aktar li ż-żwieġ huwa ukoll sejħa minn Alla li għandha tittieħed b’impenn serju.

Ilkoll kemm aħna nistgħu induru lejn Marija u nitolbuha tidħol għalina biex bħalha nibqgħu magħqudin kuljum mal-pjan t’Alla għalina minkejja d-diffikultajiet li nistgħu niltaqgħu magħhom.

Andrea Naudi

Tweldilna salvatur li hu Kristu l-Mulej

OLYMPUS DIGITAL CAMERATweldilna salvatur li hu Kristu l-Mulej

F’dan iż-żmien tant sabiħ u għażiż għalina l-insara, iż-żmien tal-Milied, wieħed jista’ faċilment jagħmel il-mistoqsija, ‘Imma għaliex Alla iddeċieda li jsir bniedem bħalna?’ Ir-risposta hija l-imħabba. Quddiem il-misteru tal-inkarnazzjoni tat-tieni persuna tat-Trinita’ Qaddisa, niġu konxji ta’ kemm aħna għeżież quddiem Alla. Alla ma riedx li aħna mmutu iżda li flimkien miegħu ngħixu għal dejjem. Huwa dan li ħabbru l’anġli lir-rgħajja, ‘Illum tweldilkom salvatur’. Alla ma kellux bżonn isir bniedem bħalna iżda l-imħabba lejna ġgħelitu jagħmel dan.

L-imħabba li għandu Alla għalina l-bnedmin tidher tajjeb fl-ittra ta’ San Pawl lill-Filippin meta jgħidilhom, ‘Hu għad li kellu in-natura t’Alla, ma qagħdx iffittex tiegħu li hu daqs Alla, … ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib’. Il-vera imħabba iġghelna ninsew kemm għandna titli u unuri, kemm aħna imlaħħqin fis-soċejta’, u lilna nfusna kompletament, tant li l-għan uniku tagħna jisr li naqdu lill-oħrajn.

Ma nistax inħobb bis-serjeta’  jekk naqdi lill-proxxmu tiegħi biss meta jkolli aptit, jekk irrid dejjem inkun aħjar minn sħabi, jekk infittex li nkun komdu jien mingħajr ma jimpurtani minn l-oħrajn, jekk irridha dejjem tgħaddi tiegħi u nistgħu nibqgħu insemmu.

Alla ma kellu xejn minn dawn għax kif jgħidilna San Pawl ‘xejjen lilu innifsu’. L-imħabba t’Alla għal bniedem, hija wahda perfetta.

L-evanġelista San Luqa jgħidilna li Ġesu’ twieled ġo għar għax ‘ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda’. L-Iben t’Alla m’għandux fejn jitwieled. Forsi meta nisimgħu din il-parti nistgħaġbu jew anke nitkażaw kif fil-lukanda ma kienx hemm post għall-familja Mqaddsa. Din hija realta’ li ilkoll kemm aħna nistgħu naqgħu fiha. Kristu kuljum u mhux biss fi żmien il-Milied, qiegħed ifittex li jitwieled fi qlubna. Kemm qed inħalli spazju għal Ġesu’ fil-ħajja tiegħi biex jaħdem bija u fija? Jista jkun li f’ħajti qiegħed ninvesti ħafna ħin u enerġija fuq affarijiet li mhux ta’ valur, bil-konsegwenza li qed jieħdu post Kristu? Qiegħed Kristu jsib post f’qalbi meta niġi affaċjat b’materji t’ etika, ġustizzja soċjali, politika, etċ …?

Għalhekk f’dan iż-żmien tal-Milied, ejjew nidħlu fil-għar ta’ Betlehem u nammiraw il-kobor ta’ din it-tarbija u nitolbu l’Alla biex kuljum u b’ferħ kbir, inħobbu lilU u lill-proxxmu tagħna bl-istess imħabba perfetta li ħabbna Hu.

Andrea Naudi

‘Ħa jsir minni skond kelmtek’

GodswillIl-figura ċentrali f’dan l-aħħar Ħadd tal-Avvent hija Marija. Ir-rakkont tal-Vanġelu li l-knisja qeghda tippreżentalna għal dan il-Ħadd jitkellem dwar it-tħabbira tal-anġlu Gabriel lil Marija, rakkont li min jaf kemm-il darba smajnieh sa minn meta konna żgħar fil-klassijiet tad-duttrina. Minkejja dan, huwa rakkont attwali ħafna, rakkont li għadna nistgħu narawh fil-ħajja tagħna. Dan għaliex Marija tista tkun mudell għalina b’ diversi modi.

Lilna Alla, bħalma għamel ma’ Marija, jistedinna biex fil-ħajja tagħna nkunu parteċipi fil-pjan tiegħU ta’ salvazzjoni,  biss jista jiġri li ahna inkunu aljenati u allura ma nindunawx bis-sejħa tiegħu jew inkella niddeċiedu li ma nagħtux kaz. Nemmen li Marija qatt ma bassret li kellu jidrilha anġlu u jgħidliha dak li qalilha u li bħalna kellha hafna pjanijiet għall-ħajja u ħolm sabih. Iżda Alla kellu pjanijiet differenti għaliha. Din hija ukoll ir-realta’ li aħna ngħixu ta’ kuljum. Ħafna drabi jiġrilna li Alla jkun qed jitlob minna affarijiet li għalina jkunu diffiċli, joħolqulna skumdita, biża u forsi anke jħarbtulna xi ftit il-pjanijiet tagħna.

Sejħat li jagħmlilna Alla jistgħu ikunu diversi fosthom li nagħmel xi xogħol volontarju , nagħti xi servizz  fil-knisja li nifrekwenta, nattendi għal xi laqgħa ta’ talb jew ta’ formazzjoni  u ħafna oħrajn u jien nagħzel li ma naċċettax l-istedina għax min jaf in-nies jew sħabi x’ħa jgħidu fuqi, għax ma nkunx irrid inħarbat il-pjan tal-ġimgħa tiegħi,u nistgħu nibqgħu insemmu ħafna diffikultajiet oħrajn. Ejjew bħalma qal il-Papa Franġisku liż-żgħażagħ, inkunu protagonisti tal-istorja billi nagħżlu lil Ġesu’, li kif ikompli jgħid il-Papa, huwa Alla tar-riskju u mhux tal-kumdita. Bl-iva tagħha, Marija irriskjat il-pjanijiet tagħha, irriskjat li titħaġġar, irriskjat li n-nies jgħidu fuqha u dan kollu biex tagħmel ir-rieda t’Alla għaliha.

Il-fatt li Marija aċċettat ma jfissirx li fehemet kollox jew inkella li minn dakinħar il-ħajja tagħha saret bla problemi. Dan narawh f’diversi mumenti tul il-ħajja ta’ Marija fosthom il-mewt fuq is-salib ta’ binha Ġesu’. Fil-ħajja tagħna dejjem ser niltaqgħu ma’ problemi kemm jekk nagħżlu u kemm jekk ma nagħżlux li nwieġbu għas-sejħat li jagħmilna Ġesu’. Id-differenza qegħda li l-bniedem li jwieġeb għas-sejħat li jagħmillu Alla, ikunu xi jkunu, igawdi minn ferħ u paċi li ebda ħaġa oħra fid-dinja ma tista tatihomlu u għalhekk jaffronta l-problemi li jiltaqa’ magħhom b’perspettiva nisranija għax jaf li Alla m’hu ser jinsieh qatt u li ebda diffikulta m’hi ikbar minn Alla ‘għax għal Alla m’hemm xejn li ma jistax isir’.

Marija għalkemm bid-duluri ħabba l-mewt ta’ binha, il-Vanġelu jgħidilna li hi kienet wieqfa that is-salib, turiha li Marija għalkemm bid-dulur hija xorta baqgħet mhux merbuħa u pperseverat fil-kelma li tagħat lill-anġlu.

Imsaħħin mill-fidi kbira li kellha Marija, ejjew ma nibżgħux ngħidu iva lil Alla għal dak li jitlob minna biex bħalma permezz ta’ Marija, Gesu’ daħal fid-dinja, hekk ukoll permezz tagħna jidħol fil-qlub ta’ dawk kollha li niltaqgħu magħhom fil-ġranet ta’ kuljum.

Andrea Naudi

ifraħ!

joy.jpg.653x0_q80_crop-smart

It-tielet Ħadd tal-Avvent iġib miegħu bidla fil-kulur li jintuża fil-liturġija. Is-saċerdot jiċċelebra il-quddies bil-kulur roża minfolk bil-vjola. Dan għaliex f’ nofs din il-mixja li aħna bħala nsara qegħdin nagħmlu f’dan l-avvent biex dejjem iżjed ninbidlu  għall-aħjar, il-knisja tħeġġiġna biex nifirħu bil-miġja ta’ Kristu fostna.

L-ewwel parti tal-ewwel qari tikseb l-importanza tagħha fil-fatt li Ġesu’ fis-sinagoga ta’ Nazaret jaqra din il-parti mill-profeta Isaija u jagħmilha tiegħU. Kristu jgħid, ‘Din il-kitba seħħet illum intom u tisimgħu’. Kristu sar bniedem biex iġibilna messaġġ ta’ ferħ u ta’ tama f’ħajja li ma tispiċċa qatt. ‘Nifraħ fuq li nifraħ fil-Mulej għax libbisni bi lbies is-salvazzjoni’.  San Pawl fit-tieni qari ukoll iħeġġiġna biex nifirħu dejjem u niżżu ħajr lil Alla f’kollox. Din hija t-trademark tagħna l-insara. Hija l-ferħ li jigi mit-tama li aħna ma mmutu qatt u ħa ngħixu għal dejjem f’kuntentizza liema bħalha. Dan għandu jkun li lilna jimmotivana biex nagħżlu li nimxu wara Ġesu’.  Għaliex dan il-ferħ mhuwiex bħal ferħ li tagħti d-dinja? Dan għaliex il-ferħ li tagħti id-dinja għandu expiry date qasira wisq, minn ftit sigħat sa massimu ta’ ftit ġranet, ħaga li ilkoll kemm aħna esperjenzajna.

Kemm-il darba konna anzjużi biex nixtru xi ħaġa li togħġobna jew li nilħqu xi tragward personali fil-ħajja. Naħsbu li dan huwa l-quċċata tal-muntanja u li meta niksbu dan l-oġġett ħa nkunu f’serenita’ u paċi. Sfortunatament r-riżultat dejjem ikun li nieħdu pjaċir għal ftit ħin u wara nerġgħu nibdew nippruvaw nimlew il-vojt ta’ qalbna b’oġġett ieħor. Kuntrarju għall-ferħ materjali, il-ferħ li jagħtina Kristu huwa ferħ li jibqa, ferħ li jissupera kull diffikultà, mhux għax ikollna ħajja bla problemi imma għax jinbidel il-mod kif inti tħares lejhom u dan għax imsaħħin minn tama qawwija f’ħajja ta’ hena bla tmiem.

Patri Raniero Cantalmessa jgħid li jekk irridu l-ferħ veru ma nistgħux nifirdu t-tbatija mill-ferħ. Irridu ngħaqduhom flimkien. Il-ferħ li joffrilna Kristu huwa bħal ta’ dik il-mara li qed tistenna tarbija. Għalkemm hi għadha ma laħqitx il-milja tal-ferħ tagħha għax it-tarbija għadha ma twelditx, hija xorta qiegħda tgħix ferħana minkejja t-tbatijiet li ġġib magħha t-tqala u dan il-ferħ jiġi mill-fatt li hi qed tistenna l-milja tal-ferħ.

Tkun ħasra għalina li minkejja li aħna mdawrin b’tant tagħlim, ma niskoprux li Ġesu’ ġie biex iġibilna l-ferħ fil-ħajja tagħna. Nkunu qed nirriskjaw li Ġesu’ jkun għalina xi ħadd li qed jipproponilna set ta’ regolamenti biex jassarna, xi ħadd li mhux prattiku, xi ħadd li ma jifhimx it-tbatijiet li ngħaddu minnhom, xi ħadd għassa għalina biex jara jekk niżbaljawx u ħafna iktar perċezzjonijiet żbaljati.

Ejjew ilkoll flimkien imsaħħin imma mill-qari ta’ dan it-tielet Ħadd tal-Avvent, ninżlu fil-fond tar-relazzjoni tagħna ma’ Ġesu’ u nagħmlu l-esperjenza tiegħU billi nħalluħ jibnilna ħajjitna fuq l-prinċipji tiegħU.

Andrea Naudi

inwitti t-triq

image.jpgF’dan it-tieni Ħadd tal-Avvent, il-knisja tkompli tippreparana għal miġja ta’ Ġesu’ fostna. Fl-ewwel qari, il-profeta Isaija jsemmi li biex inwittu mogħdija għall-Mulej irridu nħottu il-muntanji u l-għoljiet u nordmu l-widien.

X’inhuma l-muntanji, l-għoljiet u l-widien? Għalkemm Isaija seta’ kien qed jitkellem b’mod litterali, il-muntanji, l-għoljiet u l-widien jistgħu ikun preżenti ukoll fil-ħajja tagħna. F’kelma waħda dawn huma id-dunb, dik il-ħaga li lili tifridni minn ma’ Ġesu’, li ttellifni milli nipparteċipa fil-ferħ li Hu jrid joffrili. Sitwazzjonijiet bħal għira lejn min f’għajnejja hu aħjar minni, nuqqas ta’ maħfra, mibegħda, tqasqis fuq il-proxxmu u nistgħu nibqgħu insemmu. Dawn huma kollha realtajiet li ilkoll kemm aħna; saċerdoti,partijiet, familji, etc… nesperjenzaw fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Xi kultant nistaqsi lili nnisfsi, ‘Taħseb li dawn l-affarijiet ħa jġibulek il-paċi?’ Nazzarda ngħid li xi drabi r-risposta tkun  ‘iva’ u r-raġuni hija għaliex nibqgħu nagħmluhom bla ma naħdmu biex naqtgħuhom, bir-riżultat tagħhom ikun dejjem dwejjaq u vojt kbir internament.

Għalhekk Ġesu’ f’dan l-Avvent qed jistedinna biex b’fidi qawwija nintelqu f’idejH, nippreżentawlu l-muntanji tagħna u l-widien tagħna, ħalli jibdlilna d-dnub tagħna f’mogħdija ħelwa biex minnha jgħaddi Hu, flimkien ma’ diffikultajiet li niltaqgħu magħhom, imma ukoll jimlina b’ħafna paċi li jimla lil qlubna, bħalma jgħid is-salmista, ‘il-Mulej is-sliem ixandar għal dawk li jafdaw fih’.  Hija okkażjoni oħra għalina biex bħalma jgħid San Pawl, ‘ninżgħu l-bniedem il-qadim u nilbsu l-ġdid’.

Ikun Avvent vojt jekk jiena ma nieqafx ftit u neżamina ftit lili nnfisi u nagħmel stock take tal-ħajja tieghi. Iċ-ċelebrazzjonijiet liturgici ta’ dawn iż-żminijiet inrendihom sempliċiment reċta, rutina bla sens li wara li tgħaddi ninduna li ma tkun wasslitni imkien u li ma kienux ta’ valur aktar mill-pastizzi, il-pizza, l-inbid u mitt haga ohra li nkunu kilna u xrobna f’dawn il-jiem. Naħseb inkunu tilfna opportunita’ sabiħa jekk jiġri dan.

Għalhekk nitħeġġu biex f’dan iż-żmien nakkumpanjaw lil xulxin fit-tħejjija tagħna għall-mogħdija tal-Mulej u flimkien nistennew ferħana il-miġja tas-Salvatur tagħna b’ħafna fidi, tama u mħabba.

Andrea Naudi

Rieqed?

Advent+1-2017.png

Nhar il-Ħadd li ġej il-Knisja tagħti bidu għaż-żmien tal-Avvent, żmien fejn aħna l-insara niċċelebraw it-twelid ta’ Sidna Ġesu Kristu iżda ukoll aħna mħeġġin biex f’dan iż-żmien naħsbu fuq u nħejju lilna nfusna għat-tieni miġja ta’ Ġesu’ dik fl-aħħar tad-dinja.

F’dan l-ewwel Ħadd tal-Avvent, il-knisja tippreżentalna silta fejn Ġesu’ qiegħed iħejjijna propju għal dan iż-żmien. Aħna bħall-qaddejja fis-silta, ilkoll għandna r-responsabiltajiet tagħna, kull wieħed skond l-istat tal-ħajja tiegħu.

Tajjeb li nagħmlu ħilitna kollha biex naqduhom bl-ikbar imħabba u mill-aħjar li nistgħu biex meta jasal Sid d-Dar isibna nishru u b’hekk niksbu il-premju ta’ dejjem. Tkun ħasra għalina li jigi Sid id-Dar u jsibna reqdin għax dan ifisser li nkunu tlifna ċ-ċans li niktbu storja sabiħa bil-ħajja tagħna. Madakollu jista jiġri li xi drabi, minħabba diffikultajiet li aħna niltaqgħu magħhom, naqtgħu qalbna u naqbdu lilna nfusa reqdin u għalhekk ma nkunux qed nagħmlu dak li hu mitlub minna.

Nistgħu inkunu rieqda u allura indifferenti, f’ħafna sitwazzjonijiet fil-ħajja tagħna. Reqdin għal nies li huma mwarrbin u jinsabu weħidhom anke membri tal-familja tiegħa, reqdin għal min jixtieq jiftaħ qalbu maghna imma ahna qatt m’għandna ċans, reqdin għal min hu nieqes mill-bżonnijiet basiċi ta’ kuljum, reqdin għal min qed ibati min xi inġustizzja, reqdin għall-vuci t’Alla f’hajjitna u hafna sitwazzjonijiet oħra.

Minkejja kollox m’għandniex inħallu d-diffikultajiet jaqtgħulna qalbna jew iwqaffuna, iżda għandna dejjem nittamaw fl-għajnuna Alla, Hu li qatt ma jħallina waħedna. Għalhekk nagħmlu kuraġġ u nimpenjaw ruħna fl-imħabba tagħna lejn Alla u lejn il-proxxmu u b’hekk meta jiġi Sid id-Dar isibna nishru.

Andrea Naudi

Il-festa

high-quality-customized-summer-men-singleIl-festa tat-tieġ hija t-tixbiha tal-laqgħa tal-imħabba bejn Alla u l-poplu ta’ Iżrael. L-għarus huwa Kristu u l-għarusa hija l-umanità kollha (minkejja li jkun hemm mumenti ta’ ġlied, għira, gwerer eċċ, il-Mulej xorta jibqa’ jħobbha).

l-ikla/mejda tirrappreżenta l-ferħ ġenwin tas-saltna t’Alla. Is-saltna t’Alla fil-Bibbja m’hiex ippreżentata bħala kappella fejn tmur titlob, fejn kulħadd jitlob bil-kwiet jew f’xi kunvent fejn hemm is-skiet u s-silenzju…imma hija ikla fejn kulħadd jiltaqa’ u jitkellem…kulħadd jieħu gost flimkien.

Aħseb fil-ħajja tiegħek mumenti fejn ħadt gost, fejn ħassejtek milqugħ/a, fejn kont komdu/a

Il-qaddejja li jistiednu n-nies għat-tieġ huma maqsumin fi 3 gruppi:

  • l-ewwel żewġ gruppi huma l-profeti sa’ Ġwanni l-Battista – kienu dawk li ppruvaw jippreparaw lil poplu Lhudi biex jilqa’ lil Kristu…imma ma kienux ta’ suċċess dejjem.
  • l-aħħar grupp jirrappreżenta lil appostli u lilna li konna ftit iktar ta’ suċċess..

Għandi x’nagħmel!

L-ewwel grupp ta’ mistednin ma kellhomx qalb miftuħa biex jiċċelebraw il-festa tat-tieġ…kienu mehdijin fuq xogħolhom.. ix-xogħol kien kollox għalihom, ħasbu li għandhom kollox fil-ħajja mingħajr problemi. Jirrappreżentaw il-kapijiet tal-Lhud għax kienu jaħsbu li l-istruttura reliġjuża kienet tipprovdilhom ċertezza u sigurtà quddiem il-bnedmin u quddiem Alla. Meta nkunu mimlijin bina nfusna u jkollna kollox, ma jkollniex post għall-imħabba t’Alla.

Kulħadd mistieden

Dawk il-mistednin li kienu f’salib it-toroq jirrappreżentaw il-popli tad-dinja kollha, kemm ‘it-tajbin’ u anke ‘ħżiena’. San Mattew fl-Evanġelju tiegħu jagħti importanza lil poplu t’Alla hu kif inhu… dawk li jiffurmaw parti mill-knisja mhumiex perfetti, permezz tal-Komunità nisranija, aħna nkomplu ninbnew u ninfetħu għall-grazzja t’Alla.

Hija stedina għalina lkoll biex inħallu l-bibien tal-knisja miftuħin u nilqgħu lil kulħadd – nifhmu iktar id-dgħufijiet tagħna kif ukoll tal-oħrajn.

Il-mistieden li mhux liebes sew!

Minn daqstant nies li ġew mit-toroq lilu ra! Huwa mod kif permezz ta’ din l-osservazzjoni min qiegħed jisma l-parabbola jinħasad. Hawnhekk l-ilbies mhux jirreferi għall-ilbies proprja imma għal mod ġdid tal-għixien – permezz tal-festa tat-tieġ, permezz tal-laqgħa mal-Mulej fil-ħajja ma nistgħux nibqgħu nilbsu l-ilbies li kellna qabel – hija opportunità biex nibbażaw ħajjitna fuq valuri nsara mhux nraqqu l-pannu bil-qara aħmar!

Hemm ilbies ieħor li jista’ jkun li xi drabi nilbsu – ikollna wiċċ daħkan u tbissima tal-plastik – nilbsu ħbiberija falza.

Nixtieq inkun ħabib t’Alla, basta nibqa’ ngħix kif irrid jien….Dan jista’ jkun il-mod kif nirraġunaw b’mod uman, imma illum il-Vanġelju qiegħed jistedinna biex nilbsu lbies ġdid…

Lest li tkompli tilqa’ l-istedina u l-isfida tal-Vanġelju?

fr. Terence Spiteri osa

Inti mistieden. X’ser tagħmel?

Around-the-Table

L-istedina għas-salvazzjoni hija miftuħa għal kulħadd, u dan kemm-il darba aħna tassew naċċettawha.

Bir-rifjut ta’ dawk li kienu oriġinalment mistiedna, is-Sultan jerġa’ jirrepeti li t-tieġ huwa LEST. Hemm din l-urġenza biex wieħed jirrispondi għal din is-sejħa. Il-qaddejja ma jintbgħatux fid-djar tas-sinjuri, imma f’salib it-toroq. Hemmhekk jiltaqgħu dawk li huma mwarba mis-soċjetà, dawk li jiġbru t-taxxi, n-nisa tat-triq etc. U huwa dawn li jkunu mistiedna sakemm is-sala tat-tieġ tkun mimlija. Aħna wkoll inħossuna bħal dawn in-nies, li aħna mwarba jew inkella qegħdin f’salib it-toroq. U hemm il-Mulej jiltaqa’ magħna. Fil-mument tat-‘telqa’ mill-bnedmin, Alla jiġi biex jsibna, jisteddina għall-festa.

Ma hemmx nies magħżulin, jew elite. Il-Knisja hija dejjem magħmula minn qaddisin u midinba. Ma hemmx 1st class jew 2nd class membership.  L-istedina għandha tlett aspetti: hija b’xejn, hija ġeneruża, hija għal kulħadd.  Il-mistednin huma ħafna, iżda tiġri ħaġa tal-iskantament: ħadd minn dawk il-magħżula ma jaċċetta li jieħu sehem f’din il-festa, jgħidu li għandhom affarijiet oħra x’jagħmlu; anzi, uħud minnhom juru nuqqas ta’ interess, nuqqas ta’ ħbiberija u anke fastidju.  Alla huwa twajjeb magħna, joffrilna b’xejn il-ħbiberija tiegħu, joffrilna b’xejn il-ferħ tiegħu, is-salvazzjoni, imma ħafna drabi ma nilqgħux ir-rigali tiegħu, inpoġġu fl-ewwel post il-ħsibijiet materjali tagħna, l-interessi tagħna u anke metal-Mulej isejjħilna, kultant qisu qed itina fastidju.

Uħud mill-mistednin saħansitra jaħqru u joqtlu lill-qaddejja li jwasslu l-istedina.  Imma, minkella li dawk l-imsejħin ma jwieġbux għall-istedina, il-proġett ta’ Alla ma jitħassarx. Din hija l-loġika t’Alla: il-proġett ma jitħassarx. Il-Vanġelu, meta jiġi mwarrab minn xi ħadd, isib laqgħa mhux mistennija minn ħafna qlub oħra.

It-tjieba ta’ Alla m’għandhiex limitu u ma tħalli barra lil ħadd: għalhekk il-mejda tal-Mulej hija universali, għal kulħadd.  Lil kulħadd tingħata l-possibilità biex jilqa’ l-istedina, is-sejħa tiegħu.  Dan kollu jwassalna biex nirbħu fuq id-drawwa li npoġġu lilna nfusna f’post komdu, fiċ-ċentru tal-attenzjoni, kif kienu jagħmlu l-kapijiet tas-saċerdoti u tal-fariżej.  Dan m’għandux isir; aħna rridu nkunu miftuħa għall-periferiji, u nagħrfu li anke min jinsab fit-tarf, saħansitra min hu mwarrab u mgħajjar mis-soċjetà, hu l-oġġett tal-ġenerożità ta’ Alla.

Iżda hemm kundizjoni waħda: kulħadd irid jilbes għat-tieġ, jiġifieri għandu jkun xhud tal-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu. U din hija forsi l-kontradizzjoni li nistgħu naraw fl-aħħar ta’ din il-parabbola. Għalhekk filwaqt li l-Knisja hija b’idejjha miftuħin għall-midneb, imma huma mistenndi li jkun hemm xi sforz biex tindem u tikkonverti.

U forsi fl-aħħar naraw xi nota ftit pessimista, jew aħjar realist. Ħafna huma msejjħin (i.e. kulħadd) imma ftit il-magħżulin. Kulħadd imsejjaħ biex jesperjenza l-imħabba t’Alla fil-ħajja tiegħu, imma ftit huma li jippruvaw jduqu minn din l-esperjenza. Forsi għaliex oħrajn jaraw toroq aktar safe biex jħarsu lejn il-kuntentizza f’li jagħmlu l-flus, jibnu karriera, li jitilgħu b’mod soċjali etc.

U quddiem dan kollu għandna verament għaliex jirringrazzjaw ‘l Alla tal-istedina tiegħu. Niftakru fil-barkiet li jagħtina Alla. Dan kollu huwa rigal prezzjuż fil-ħajja tagħna. U nirreflettu jekk il-libsa tat-tieġ tagħna hija nadifa jew le, fis-sens jekk offrejnix lilna nfusna fl-imħabba u s-servizz ta’ Ġesù u l-poplu tiegħu? Kif qegħdin nagħtu xhieda tal-valuri u t-twemmin tagħna kemm fil-komunità u kemm barra? Ma ninsewx li minkejja li aħna mistennija li nikkontribwixxu fil-ħajja u x-xhieda tal-Knisja, imma hemm il-maħfra ta’Alla u tal-komunità kemm-il darba dan ma jsirx.

Inti mistieden. X’ser tagħmel?

fr. David Cortis osa

dik tiegħi!

89916348.jpg

Is-Sid tal-għalqa huwa l-Mulej u l-għalqa hija Israel, il-bdiewa huma l-kapijiet tal-Lhud, il-qaddejja huma l-profeti li marru jippruvaw iwasslu l-messaġġ ta’ ġustizzja u paċi f’diversi żminijiet fl-istorja tal-Bibbja, l-iben huwa Kristu li keċċewh u salbuh ‘il barra mill-Belt (mill-ħitan ta’ Ġerusalemm)

Il-ħajt tas-sejjieħ kien iservi biex jipproteġi d-dielja minn xi annimali salvaġġi kif ukoll minn xi ħallelin li jippruvaw jisirqu.

It-torri kien iservi biex tara jekk hux ġejjin xi ħallelin kif ukoll bħala post fejn il-ħaddiema jistkennu.

Kien normali ħafna dak iż-żmien li s-sid tal-għalqa jitlaq f’post ieħor u jħalli l-għalqa f’idejn il-bdiewa minħabba s-sitwazzjoni perikoluża tal-post. Is-sid kien jiftiehem mal-bdiewa biex iħallsuh: bil-flus, ammont fiss ta’ frott irrilevanti kemm tkun għamlet frott jew inkella persentaġġ tal-frott.

Esperjenzi ta’ maturità

Il-parabbola hija indirizzata għall-qassisin u l-anzjani Lhud li huma meqjusin bħala dawk li ma jaċċettawx it-tagħlim ‘ġdid’ ta’ Kristu.

Kemm għixt esperjenzi ta’ maturità u żvilupp fil-ħajja personali tiegħek? Huma dawn l-affarijiet li jkomplu jgħinuna ninfetħu għal frott fil-ħajja tagħna.

Il-parabbola tkellimna fuq Alla:

  1. Alla li jafda fil-bniedem – iħallih fir-responsabbiltà u l-libertà…ma jibqax għassa fuqu
  2. Alla li għandu paċenzja – jibgħat diversi qaddejja (messaġġiera). Fil-ħajja tagħna l-Mulej ukoll jipprova jkellimna b’diversi modi.
  3. Alla li jiddeċiedi – fl-aħħar tal-parabbola naqraw li s-Sid qabad u ta l-għalqa lil xi ħaddieħor li jista’ jagħmel il-frott minnha.

Il-parabbola tkellimna fuqna (fuq il-bniedem)

  1. Il-libertà fil-ħajja tagħna: Alla mhux xi ħadd li qiegħed jiddettalna x’nagħmlu imma jħallina fil-libertà li nagħżlu dak li rridu fil-ħajja tagħna. X’ser nagħżel? Il-Mulej ħalla l-għalqa f’idejna u aħna l-bdiewa li qegħdin nieħdu ħsieb id-dielja. Kif qegħdin nieħdu ħsiebha? Qegħdin ngħixu u nagħtu kas ta’ xulxin? Kif qiegħed nieħu ħsieb l-ambjent li ngħix fih, il-ħajja tiegħi u t-talenti li l-Mulej tani?
  2. Ppreparati: l-għalqa kienet mgħammra b’kollox. Alla ma jagħtinix biss il-missjoni u daqshekk imma jipprovdilna l-affarijiet li bihom nistgħu nwettquha – bħat-talenti u l-għajnuna tiegħu flimkien mal-esperjenzi li jgħaddina minnhom.

fr. Terence Spiteri osa

għeneb ħelu jew qares?

grapes_625x350_61443376353

Din il-parabbola tirrakkonta fil-qosor l-istorja tas-salvazzjoni li hi storja ta’ mħabba min-naħa ta’ Alla imma kien hemm reżistenzi min-naħa tal-mexxejja tal-poplu t’Alla li qatlu lill-profeti u l-messaġġiera ta’ Alla, saħansitra lil Ibnu li miet barra s-swar tal-belt ta’ Ġerusalemm.

Aħna llum l-poplu t’Alla. Aħna li naħdmu l-għalqa tad-dwieli. Huwa jistenna li jkun hemm il-frott, u l-frott li jibqa’. Il-mistoqsija li nistaqsu lilna nfusna

  • Kif qegħdin nagħmlu dan?
  • Kemm aħna aħjar mill-Qassisin il-Kbar, ix-Xjuħ tal-Poplu, mill-Iskribi u mill-Fariżej?

Permezz tal-magħmudija tagħna aħna msejjħin biex naħdmu fil-għalqa tal-Mulej. Ninġabru kull ġimgħa biex nisimgħu l-messaġġ tal-Evanġelju, u biex nagħmluh parti mill-ħajja tagħna. Aħna msejjħa biex inkunu membri, membri attivi tal-Ġisem ta’ Krisu, tal-komunità Nisranija u tal-Knisja.

  • Kif naraw din is-sejħa? Bħala privileġġ, bħala barka jew bħala tagħbija kbira? Kif qegħdin nirċevuh il-messaġġ tal-Mulej?

Matul is-snin kien hemm diversi martri u ħafna drabi kienu l-insara stess li wasslu għal martirju u mhux il-pagani. Dan naraw ukoll fi żmienna bil-persekuzzjoni sottili.

Nistgħu naraw li dan ma jagħmilx parti minna personalment. Imma nistaqsu, x’għeneb bħala komunità qegħdin nipproduċu? Huwa ħelu jew qares? Il-komunità hija sinjal rejali tal-preżenza t’Alla u tal-imħabba fis-soċjetà tagħna? X’impatt qegħdin inħallu?

Il-komunità tagħna hija l-għalqa tad-dwieli. Ma għandix tipproduċi għeneb qares li ħadd ma għandu jieklu. Nkunu miftuħin għad-diversi modi li Alla jitkellem, kemm jekk il-persuni huma fil-Knisja u kemm permezz ta’ vuċijiet profetiċi li ħafna drabi tkun diffiċli għalina li nisimgġuhom. Alla jibgħatilna l-messaġġiera l-ħin kollu. Imma kif qegħdin nilqgħuhom?  Jista’ jkun hemm it-tentazzjoni li ningħalqu fina nfussna u ma naffaċjawx l-isfidi li għandha s-soċjetà. Meta jiġri hekk niggranfaw mal-passat, mal-antiki, ma’ kif kienu jsiru l-affarijiet, ma’ reżisteni tal-bidliet. Nies li jipproponi bidliet li huma importanti fis-soċjetà jsibu ħafna drabi reżistenza – ara meta l-Papa jitkellem fuq li l-bniedem għandu jkun fiċ-ċentru tal-ekonomija u mhux il-flus.

Huwa ħafna faċli għalina f’ċertu żminijiet li ma nirrikonoxxux l-vuċi t’Alla fil-messaġiera li jibgħatilna, bħalma l-awtoritajiet Lhud fi żmien Ġesù fallew milli jirrikonoxxu l-Kelma t’Alla f’Ġesù. Il-Kardinal Newman darba qal: “To live is to change; and to be pefect is to have changed often”.

Li kieku l-Knisja tagħlaq, x’differenza reali ser tinħass? Ovjament dawk li jiġu jħossu d-differenza, imma dawk li qatt ma daħlu, ser iħossuha? X’impatt qegħdin inħallu? Inkejjlu mill-bini tal-Knisja jew minn dak li jiġri? It-tnejn importanti, imma ma jistax ikollok waħda mingħajr l-oħra.

fr. David Cortis osa