San Tumas minn Villanova

StThomas.jpg

San Tumas minn Villanova
1486 – 1555 AD

Twieled f’Fuenllana, Ciudad Real (Spanja) minn ġenituri reliġjużi u twajba u li minnhom wiret l-imħabba lejn il-proxxmu. Huwa ħa l-isem mill-belt Villanueva de los Infantes, li fiha marret toqgħod il-familja. Ta’ ħmistax-il sena bagħtuh biex jistudja fl-Università ta’ Alcalà fejn fl-1509 ħa it-titlu ta’ għalliem tal-loġika, fiżika u metafiżika. Għal tliet snin studja t-teoloġija u waqaf biss bejn l-1512 u l-1516 meta ħa l-katedra tal-loġika. Il-ħmistax-il sena li dam f’Alcalà wrew għal ħajtu kollha l-karattru tal-ħniena u tat-tjieba tiegħu.

Fl-1516 mar Salamanca biex jidħol fl-Ordni Agostinjan u ħa l-quddiesa fl-1518 meta kellu 32 sena. Is-superjuri mill-ewwel intebħu bl-għerf tiegħu u għalhekk beda jingħata ħatra wara l-oħra: sar Pirjol f’Salamanca (1519-21) u wara reġa’ ġie magħżul għas-snin 1523-1525, sar Viżitatur tal-Provinċja ta’ Castilla (1525-27), Provinċjal tal-Provinċja ta’ l-Andalusija (1527-29), Pirjol ta’ Burgos (1531-34), Provinċjal ta’ Castilla (1534-37) u reġa’ Pirjol ta’ Burgos (1541-44). Karlu V li kellu stima kbira lejh bħala wieħed importanti għar-riforma tar-renju tiegħu ħatru bħala predikatur u konsulent tiegħu u meta fl-1544 is-sede arciveskovili ta’ Valenzja kienet mingħajr isqof huwa ppreżentah bħala l-isqof ta’ din il-belt. Valenzja kienet f’qagħda spiritwali ħażina billi kienet ilha għal seklu mingħajr isqof, ħafna qassisin ma kinux mixjin tajjeb u l-mori kienu qed iqumu.

Tumas l-ewwel m’għamel kien li ikkristjanizza d-djoċesi mill-ġdid u biex jifforma kleru li b’għemilu jagħti xhieda vera waqqaf kulleġġ-seminarju fl-1550. Għajjat sinodu u mar jinvista l-paroċċi kollha b’id ħabrieka u ta’ veru missier.

Fost il-ħafna opri pastorali li għamel ta’ min isemmi tnejn minnhom: l-għajnuna lill-foqra u l-evanġelizzazzjoni tal-mori. Il-bżulija tiegħu u ħidmitu fost in-nies għamlu minnu bniedem ta’ rispett kbir għal żmienu u ta’ isqof ideali. Miet fl-1555 u ġie ddikjarat beatu fl-1618. Il-Papa Alessandru VII iddikjarah qaddis fl-1658. Il-fdalijiet tiegħu qegħdin fil-katidral ta’ Valenzja.

San Eżekjel Moreno

st__ezekiel_moreno_by_tycho101-d62p47w.jpg

Twieled fir-raħal t’Alfaro f’Navarra fi Spanja fl-1848. Bħal ħuh, Eżekjel ingħaqad mal-Familja Agostinjana tar-Rekolletti. Wara ftit ta’ żmien Moreno flimkien ma’ 17-il saċerdot oħrajn intbagħtu fil-Filippini fejn ġie ordnat saċerdot fl-1871. Fil-Filippini wettaq l-ewwel ħidma tiegħu pastorali bħala saċerdot Agostinjan, li damet madwar 15-il sena.

Fl-1885 waqt il-kapitlu provinċjali (laqgħa li fiha l-provinċja tiltaqa’ biex tiddiskuti u tippjana l-ħidma tagħha għas-snin li jkunu ġejjin) Eżekjel Moreno sar Pirjol tal-kunvent f’Monteagudo għal tliet snin. Fl-1888 offra biex jerġa jmur jaħdem fil-missjoni pero din id-darba mhux fil-Filippini imma fil-Kolombja. Hawnhekk Eżekjel ħa ħsieb li jerġa jħaddem il-Provinċja ta’ Candelaria billi kien Pirjol Provinċjali ta’ l-istess provinċja. Matul dan iż-żmien ir-reliġjużi Agostinjani tal-istess provinċja bdew il-missjoni tagħhom f’Casanare li bdiet tħalli ħafna frott f’qasir żmien.

Fl-1 ta’ Mejju 1894, San Eżekjel Moreno ġie ordnat vigarju appostoliku ta’ Casanare u sentejn wara isqof ta’ Pasto. Din il-ħidma ġdida ma kinitx faċli għaliex kellu jgħaddi minn diversi esperjenzi koroh bħal persekuzzjonijiet u saħansitra nuqqas ta’ ftehim u ntoppi min-naħa tas-superjuri tiegħu. Pero ta’ Ragħaj tajjeb u fidil tal-merħla tiegħu, Eżekjel ma ddejjaq xejn ipoġġi ħajtu fil-periklu biex isalva u jiddefendi n-nagħaġ tiegħu.

Minħabba polemika li nqalgħet madwar il-persuna tiegħu minħabba li kien sod fil-fidi, waqt il-viżta “ad limina” talab lil Papa Ljun XIII li jirriżenja minn Isqof, iżda l-Papa ma laqax ir-riżenja tiegħu u reġa lura għad-djoċesi tiegħu. Hanwhekk sab quddiem wiċċu gwerra ċivili.

Fl-1905 intlaqgħet minn marda kiefra li ħallietu jixrob il-kalċi tat-tbatija tant li kellu jirritorna lura lejn Spanja. Għalkemm qagħad għal ħafna interventi mediċi, hu rrifjuta dejjem il-loppju ħalli jkun jista’ jsofri t-tbatija li bata’ Kristu. Din l-għażla ħalliet lit-tobba bla kliem.

Minħabba li kien jaf li ma tantx kien għad fadallu ħajja, xtaq li jerġa jirritorna fil-kunvent ta’ Monteagudo fejn hemmhek miet fid-19 t’Awwissu fl-1906. Eżekjel Moreno ġie ddikjarat qaddis fil-11 t’Ottubru 1992 mill-Beatu Papa Ġwanni Pawlu II.

Kwalita’ sabiħa li nistgħu nieħdu minn dan il-qaddis hija l-aspett missjunarju li kellu għal dawk in-nies li kellhom bżonn l-għajnuna tiegħu. Aħna wkoll nistgħu nkunu missjunarji kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna. Aħseb ftit kif tista’ tkun missjunarju/a int ukoll? Aspett ieħor huwa l-fidi li kellu fil-Mulej; li tidher ħafna kemm meta kien qiegħed jagħmel x-xogħol pastorali fil-missjoni kif ukoll fl-aħħar ta’ ħajtu. Il-ħajja tiegħu ħalliha kollha kemm hi f’idejn il-Mulej u ħallih imexxih Hu. Xi jfisser li tafda fiH? Ifisser li tħalliH imexxik Hu minkejja d-diffikultajiet kollha li nistgħu niltaqgħu magħhom matul ħajjitna.

Santu Wistin jiktbilna…

2016-08-26-15-17-54.jpgGħażiż/a

Jisimni Wistin. Għalkemm għext żmien ilu, għadni ħaj illum permezz tal-ħafna kitbiet li ħallejt warajha. Nixtieq li permezz ta’ din l-ittra ċkejkna nagħmlu bħal encounter bejnietna ta’ dak li għext, esperjenzajt, ġarrabt, irriflettejt, u ta’ kemm Alla tas-sorpriżi kien preżenti kontinwament minkejja d-diversi dubji u diffikultajiet li ltqajt magħhom fiż-żgħożija tiegħi.  Għaliex, jiena bniedem u ngħix qalb il-bnedmin u “x’inhi qalbi jekk mhux qalb umana?”. Għalhekk ħabib, dawn huma pinzellati ċkejknin mir-riflessjonijiet tiegħi fejn ikomplu jkunu ta’ kuraġġ u tama għal ħajtek.

Dejjem fittixt u qalbi dejjem kellha dak l-għatx għall-Verità…fl-istess ħin ma żammejtx dan kollu għalija imma permezz tat-taħżiż tiegħi, ippruvajt nikkomunika l-esperjenza umana li għaddejt f’forma ta’ talba lil Alla. Esperjenza li tagħmillek kuraġġ minkejja l-qtiegħ ta’ qalb li għaddejt minnu, fejn Alla dejjem kien preżenti f’ħajti, anke meta warrabtu, ħrabt jew injorajt it-twissijiet tal-għażiża ommi. Kemm nesperjenzawha din!

 Għalhekk ħabib, la tibżax issaqsi l-mistoqsijiet. Dawn il-mistoqsijiet ma humiex tfitxija biss għal aktar għerf, imma għal ħajja u għall-imħabba. U dawn huma żewġ affarijiet tant sbieħ u għal qalbi – il-ħajja bl-abbundanza u l-imħabba. Ħabib, meta inkunu qegħdin nfittxu l-verità, il-ferħ, is-sbuħija u l-imħabba, inkunu qegħdin, forsi mingħajr ma nafu, infittxu lil Alla, għaliex kif tlabtu lil ħanin Alla, “int għamiltna għalik, O Alla, u qalbna ma issibx kwiet jekk ma tistriħx fik” (Stqarrijiet 1,1,1). U ħabib, mhux qalbi biss, imma qalbna, tiegħi u tiegħek għaliex mingħajrek, mingħajrkom ma nistax ngħix, ma nistax insalva.  U għalhekk il-ħbiberija hija tant importanti għalija u għandha valur mhux biss uman, imma valur spiritwali u proġett għal qalbi. Fil-ħbiberija u fil-komunità flimkien u permezz ta’ xulxin inkomplu niskopru s-sabiħ u s-sorpriżi t’Alla fil-ħajja personali u fil-ħajja tagħna bħala komunità.

 

Nħeġġek:

kompli fittex.

Kompli skopri dak li jixtieq Alla minnek.

Kompli ħobb l-imħabba, l-ħajja, l-verità, l-għerf, is-sbuħija, il-libertà, il-ferħ…

Kompli dan il-vjaġġ sabiħ ta’ konverżjoni fi spirtu ta’ ħbiberija.

Kompli ikber fil-komunità.

Kompli kun magħqud u kontra d-diversi firdiet u qasmiet.

Kompli agħti s-sehem tiegħek fil-ġustizzja, fil-paċi u fis-solidarjetà.

Kompli itlob, għaliex it-talba tiegħek hija l-konverżazzjoni ma’ Alla.

Kompli ħalli s-silenzju interjuri fil-ħajja tiegħek.

Kompli agħraf is-sejħa tiegħek biex tikber flimkien fil-Knisja permezz tal-akkumpanjament għall-missjoni ta’ servizz tas-Saltna.

Kompli poġġi lil Ġesù Kristu, il-Medjatur, il-Verità, il-Ħajja, it-Tabib, l-Imgħallem Interjuri, it-Triq, fiċ-ċentru tal-ħajja tiegħek.

Il-Mulej huwa Hu li jimxi quddiem u jigwida. Ħares ‘il quddiem.

Nawguralek ħafna affarijiet sbieħ. Meta trid li nerġgħu niltaqgħu u nkomplu flimkien dan il-vjaġġ b’dawn il-ħsibijiet, tiddejjaq xejn u tikkuntattjani permezz ta’ kitbieti jew permezz ta’ ħuti l-agostinjani.

Mulej Ġesu’, agħtini qalb mimlija paċi…

o lord give us peace, for you have given us everything you promised

San Gwann minn Sahagun

“Missier, ma tafx tagħlaq ħalqek! Sur duka, għalfejn nitla’ fuq il-pulptu? Biex ngħid il-verità lil min qed jismagħni jew biex bla mistħija nżiegħel bihom biex ifaħħruni?” Dan il-kliem intqal bejn id-duka t’Alba li mar għall-funzjoni reliġjuża u l-patri Agostinjan Ġwanni minn Sahagun li kien qiegħed jippriedka. Dak il-jum Ġwanni pprofitta mill-preżenza ta’ ħafna nobbli tal-belt u awtoritajiet ċivili, sabiex jikxef il-gvern ħażin u l-inġustizzji tal-prepotenti ma’ dawk li kienu dgħajfa.

Ġwanni twieled f’Sahagun fi Spanja għall-ħabta tal-1430. Meta kien għadu żgħir zijuh sablu post fil-kurja ta’ l-isqof ta’ Burgos u ġablu benefiċċju tal-knisja. Wara kien ordnat saċerdot, iżda meta kellu 33 sena Ġwanni waqa’ fi kriżi: ma setax jgħix mill-għalqa tal-Mulej bla ma jaħdimha. Għalhekk wara li miet l-isqof hu biddel ħajtu u daħal ma’ l-Agostinjani u ntefa’ b’ruħu u ġismu għall-apostolat, jippriedka l-paċi u l-ġustizzja soċjali. “Jekk xi ħadd jistaqsini fuq Ġwanni,” jirrakkonta wieħed li għex fi żmienu “fejn jidħlu l-foqra, il-morda, ir-romol, it-tfal sfruttati, nirrispondi li huwa kien iħoss fin-natura tiegħu li għandu jgħinhom bil-kelma t-tajba u bil-karità. Wara li waqqaf il-mibegħda u l-ġlied kellu f’moħħu li jġib il-paċi u l-ftehim fost kulħadd. Meta kien Salamanca li kienet imfarrka bi ġlied ċivili rnexxielu jwaqqaf straġi kbira”.

Bl-isforzi tiegħu bla waqfien biex iġib il-paċi fl-1476 in-nobbli ta’ Salamanca ffirmaw ftehim ta’ qbil bejniethom. Kienet l-Ewkaristija li hu kien jiċċelebra b’tant devozzjoni li tatu s-saħħa u l-kuraġġ. Miet fl-1479. Il-proċess tal-kanonizzazzjoni spiċċa billi fl-1601 sar beatu u fl-1690 sar qaddis. Il-fdalijiet tiegħu qegħdin fil-kattidral il-ġdid ta’ Salamanca, belt mimlija postijiet li fihom il-qaddis għamel opri ta’ qdusija f’ħajtu jew f’mewtu.

Xi tfisser il-kelma paċi? Jekk naraw ftit it-tifsira tagħha fil-Lhudi naraw li l-kelma shalom tfisser integrita’. Lkoll għaddejna minn mumenti fil-ħajja tagħna li fihom ma konniex fil-paċiu jekk niftakru ftit naraw li f’dan il-mument ħassejna li għandna xi ħaġa nieqsa, xi ħaġa li mhiex kompluta. U propju dak li jfisser meta ngħidu l-kelma paċi, li nkunu persuni sħaħ. U din il-paċi minfejn nistgħu nġibuha? Jekk inħarsu lejn San Ġwann minn Sahagun mill-ewwel insibu r-risposta għaliex naqraw li kien isib il-qawwa tal-paċi mill-Ewkaristija. U għalfejn? L-ewkaristija li nistgħu nsejħulha ukoll tqarbin, tfakkarna fil-kelma tqarreb, tressaq. Dan huwa l-iskop tal-ewkaristija li tqarribna lejn Alla u lejn xulxin. Jekk ikolna nistaqsu ftit lilna nfusna, kif nipprepara biex niċċelebra l-ewkaristija? Jew inkella immur biss għall-ewkaristija billi nismagħha u allura ma nipparteċipax, ma ninvolvix lili nnifis?

Mulej Ġesu’, nitolbok biex tkompli tagħtini l-qawwa sabiex qalbi tkompli timtela bil-paċi tiegħek biex inkun nista’ naqsamha mal-oħrajn.