skopri min hu…Fr. Adeodato Schembri osa

adeodato.jpgX’jagħmlek agostinjan?

Li naqdi fejn tkun tridni l-Knisja biex inwassal il-messaġġ tal-ferħ tal-Vanġelu. Minn mindu kont tifel dejjem kont midħla tal-patrijiet agostinjani. Trabbejt ħdejn il-kunvent tal-agostinjani r-Rabat Għawdex. Kont abbati u kont nagħti servizz lil komunità. Wara li spiċċajt l-iskola primarja mort border fil-kulleġġ Santu Wistin meta kien għadu Ħal-Tarxien. Wara li spiċċajt il-form 5 dħalt novizz u komplejt il-mixja tiegħi fil-ħajja reliġjuża. Għamilt l-ewwel professjoni sempliċi tiegħi fis-sena 1960 u ġejt ordnat saċerdot fis-sena 1967. Billi trabbejt f`ambjent agostinjan, il-vokazzjoni tiegħi nafha lir-reliġjużi agostinjani li fihom dejjem sibt għajnuna u orjentazzjoni rigward il-ħajja reliġjuża.

Il-Kariżma agostinjana fid-dinja tal lum

Il-kariżma tagħna hi li ngħixu flimkien ruħ waħda u qalb waħda fi Kristu. Nagħtu servizz lill-Knisja kull fejn meħtieġ.  Naqdu fejn tkun tridna l-Knisja biex inwasslu l-messaġġ tal-ferħ tal-Vanġelu. Dan, illum isir f`ħafna attivitajiet tal-Ordni tagħna bħal ma huma universitajiet, kulleġġi, ċentri ta formazzjoni  u spiritwalità, parroċċi, mat-tfal u żgħażagħ, fil-missjonijiet u f’diversi oqsma oħra ta promozzjoni umana u nisranija.

Min hu l-agostinjan għalik?

Agostinjan ifisser li inti trid tgħix il-ħajja tiegħek reliġjuża  bbażata fuq l-ispiritwalità agostinjana. Tkun  agostinjan illum ifisser li trid tagħmel minn kollox biex tgħix il-ħajja tiegħek flimkien ma sħabek l-oħra reliġjużi u tgħix f’armonija mal-membri tal-komunità. U tkun dejjem lest biex taqdi l-missjoni tiegħek fejn ikollha bżonnok l-Ordni Agostinjan.

skopri min hu…fr. Salvinu Caruana osa

salvinu.jpgX’jagħmlek agostinjan?

L-idejal li 48 sena ilu l-Mulej sejjaħli għalih mingħajr ma kont naf x’inhu u li tul is-snin inħoss li kien dejjem Hu li sawwarni sabiex inħaddnu u ngħixu aħjar dejjem iktar.

Kif tara l-kariżma agostinjana fid-dinja tal-lum?

Diffiċli tfissru kunċett bħal dan sakemm ma tridx li tispiċċa titħaddet dwar xi ħaġa li postha jkun ġewwa mużew u imgeżwra tajjeb f’bozza tal-kristall!

Din teħtieġ li tinqara u tingħarbel minn żmien għal żmien fid-dawl tas-sejħat ta’xhieda fil-Knisja Universali, f’qadi tal-ħtieġijiet lokali ta’ fejn tingħix din il-kariżma, u fid-dawl ta’ dak li l-Ordni, kif ukoll il-Provinċja, jimmiraw għalih.

Min hu l-agostinjan għalik?

Iktar milli xi ħaġa ta’ għarfien ta’ xi identita’ partikulari u esklussiva, jiena nemmen li l-Agostinjan illum għandu jkun bniedem t’Alla, dejjem lest li jgħarrex possibiltajiet ta’ kif jista’ jdakkar f’oħrajn b’dak li huwa jħoss u jifhem li jista’ jagħti, jqanqal u jbiddel madwaru fi ħdan kull għamla ta’ komunità (mhux kunvent biss!) li fiha jkun jinsab jaħdem. F’din ix-xhieda u ħidma jiftakar li hemm ir-riskju mhux ċkejken, u bi dritt, li jaf jiġi hu wkoll magħrbul kontinwament, u mitlub jagħti l-għaliex tal-ħajja tiegħu f’kull waqt.

skopri min hu…Fr. Joseph Zammit osa

joseph-zammit

X’jagħmlek agostinjan?

L-eżempji sbieħ li xrobt minn dawk ta’ qabli. Fuq kollox il-qima spiritwali ta’ Alla li nsibu fl-ewwel versi tar-Regola “Qaddejja ta’ Alla”, għalhekk nagħti valur lit-talb f’imkien wieħed u l-maħfra ta’ xulxin. Il-ħajja flimkien, titlob għożża kbira ta’ l-“ieħor “ hu min hu,  dak li jistqarr il-vers tar-Regola, “qimu ‘lil Alla f’xulxin.”

Il-Kariżma agostinjana fid-dinja tal-lum

Il-Kontribut li nagħtu hu attiv u hemm ukoll il-kontribut tagħna li hu kontemplattiv. Hemm moviment kemm fl-ispirtu u moviment ukoll ta’ servizzi.

Min hu l-agostinjan għalik?

Nara li l-Agostinjan hu dak l-imsejjaħ għal ħajja magħna li bil-Professjoni Reliġjuża tal-Voti isir parti mill-ħbieb jew aħwa taħt idejal wieħed: li jipproteġu l-egħmil ta’ Alla f’xulxin.

skopri min hu…Fr. George Bezzina osa

gorg-bezzinaX’jagħmlek agostinjan?

Li ngħix l-Evanġelju u l-eżempju tal-ewwel insara li flimkien u kollox kien tal-aħwa, taħt ir-Regola ta’ Santu Wistin u l-Kostituzzjonijiet tal-Ordni.

Kif tara l-kariżma agostinjana fid-dinja tal-lum?

Il-Ħajja tal-aħwa fejn wieħed jara f’ħutu r-reliġjużi x-xbieha t’Alla bil-ħsieb ta’ dak li skont Santu Wistin għandna niftakru u dejjem nixtiequ, il-ħaġa waħdanija li hu Alla fis-Saltna tiegħu.

Min hu l-agostinjan għalik?

Hu dak li jnissel fih l-Ispirtu li bih għex Santu Wistin u l-Qaddisin u l-beati ta’ l-Ordni tagħna.

 

skopri min hu…fr. Pierre Desira osa

pierre.jpg

X’jagħmlek agostinjan?

Kien l-ispirtu komunitarju li laqqagħni mal-Agostinjani u ma’ Santu Wistin. Kien ambjent sabiħ u familjari, ambjent seren u qaddis. Dak li sibt fil-komunitajiet Agostinjani, f’Malta u barra minn xtutna, kien l-għejxien tal-ideali ta’ Santu Wistin għall-ħajja komunitarja: persuni li jgħixu “ruħ waħda u qalb waħda f’Alla.”

Kif tara l-kariżma agostinjana fid-dinja tal-lum?

Ġaladarba Santu Wistin għex sekli ilu, f’dinja u fi żmien bil-wisq differenti minn tagħna, tiġi spontanja l-mistoqsija x’inhu attwali mill-ħsieb u l-esperjenza ta’ Santu Wistin. Il-kariżma Agostinjana hi mibnija fuq temi Insara universali u għalhekk għadha attwali anke fid-dinja tal-lum. Aspetti li żgur għadhom validi fi żmienna huma:

– il-ħajja komunitarja: l-esperjenza ta’ persuni li jgħixu flimkien f’armonija, f’għaqda bejniethom u fit-tfittxija ta’ Alla fil-ħajja tagħhom;

– il-ġustizzja u l-paċi: dawn imorru flimkien, għax ma hemmx waħda mingħajr l-oħra;

– l-interjorità: il-bniedem iffittex is-sens tal-ħajja, jfittex il-hena, dawn isibhom mhux billi jitbiegħed minnu nnifsu, iżda bil-maqlub billi jidħol fih innifsu u għalhekk il-ħtieġa tal-interjorità; din it-tfittxija tas-sens fil-ħajja, kif ukoll it-tfittxija tal-hena, hi t-tfittxija ta’ Alla; fi kliem Santu Wistin il-bniedem “isib il-mistrieħ u l-hena ta’ ħajtu meta jsib lil Alla”;

– it-tema teoloġika tal-grazzja: Alla li jagħti l-grazzja (għotja b’xejn, għotja li mhix dejjem hi mistħoqqa u għotja li ġieli wkoll lanqas ma hi mitluba) sabiex il-bniedem jerġa jibda mill-ġdid fil-ħajja tiegħu; il-grazzja hi l-għajnuna li Alla jagħti lill-bniedem sabiex jegħleb id-diffikultajiet fil-ħajja.

Min hu l-agostinjan għalik?

L-agostinjan hu dik il-persuna li timxi fuq il-ħsieb u l-passi ta’ Santu Wistin, li tgħix il-kariżma Agostinjana. Għalhekk l-Agostinjan hu dik il-persuna li tgħix l-interjorità, tgħix f’armonija ma’ persuni oħra, tipprattika l-ġustizzja u tistinka għall-paċi, tfittex lil Alla, u  tintelaq f’idejn Alla.

Hi persuna mmxenqa għall-Alla, tħobb l-Alla u hi maħbuba minn Alla.

 

skopri min hu…Fr. Constantino Borg osa

Constantino.jpg

X’jagħmlek Agostinjan?

F’dinja individwalista li llum teżisti huwa wisq aktar importanti l-kliem ta’ Missierna Santu Wistin li huwa ħa mill-Atti tal-Appostli: “KEMM HU TAJJEB LI L-AĦWA JGĦIXU FLIMKIEN”. Kull fejn kont din kienet u għadha l-preokkupazzjoni kontinwa tiegħi. 

Kif tara l-kariżma agostinjana fid-dinja tal-lum?

Bħal Santu Wistin, għandna ninkoraġixxu lil min jinsab fi triq tal-verità u niġru bla waqfien  wara dawk li għadhom aljenati għat-tagħlimm ta’ Ġesù

Min hu l-agostinjan għalik?

Għalija tkun tassew Agostinjan jekk verament tħares lejn il-bżonnijiet spiritwali, intellettwali, materjali, umanitarji u soċjali tad-dinja llum. Din kienet il-preokkupazzjoni ta Missierna Santu Wistin u hekk għandna nkunu aħna wkoll.

skopri min hu… Fr. Deo Debono osa

Deo.jpg X’jagħmlek agostinjan?

 Li ngħix qalb waħda u ruħ waħda kemm fil-post fejn jien assenjat li naħdem pastoralment imma aktar u aktar fil-komunità fejn ngħix u fil-familja Agostinjana madwar id-dinja, fejn xejn mhu tiegħi imma ta kulħadd, fejn it-tfittxija għall-verità tħeġġeġ fil-qalb tagħna.

Il-Kariżma agostinjana fid-dinja tal-lum

F’dinja li temmen ħafna f’dak li tara u dak li tista tmiss, il-kariżma tagħna l-Agostinjani tfakkarna fl-imħabba li mhix xi ħaġa li tara jew tmiss iżda li tesperjenzaha. Din it-tifkira fl-imħabba ddawrilna ħarsitna lejn Alla li hu imħabba u verità u tħeġġeġ fina it-tfittxija għal dak li jagħmilna verament ulied Alla.

Min hu l-agostinjan għalik?

LAgostinjan huwa dak li dejjem ifittex li jħobb, li jxerred l-imħabba u li lest jilqa kull sagrifiċċju biex iwassal il-verità waħdanija li hi l-imħabba infinita ta’ Alla.

 

Skopri min hu…Fr. Alex Cauchi osa

alex.jpg

 X’jagħmlek agostinjan?

Għalija huwa importanti li ngħix fil-Kunvent mal-bqija ta’ ħuti. Fejn flimkien magħhom irrid nagħmel il-mixja tal-fidi tiegħi, biex niskopri dejjem aktar lil Alla fil-ħajja tiegħi.

Il-Kariżma agostinjana fid-dinja tal-lum

Ma nistgħux ngħaddu lil ħaddieħor l-esperjenza Tiegħu, jekk ma nkunux skoprejnih aħna fil-ħajja. Mill-bqija ngħixu l-ħajja tagħna normali bħal kull familja oħra, fejn nieklu flimkien, naħdmu, noħorgu flimkien u tant affarijiet oħra li flimkien bħala familja jgħixu ħalli tissaħħah l-għaqda ta’ bejniethom.

Min hu l-agostinjan għalik?

Dan huwa li jagħmilna lkoll Agostinjani li ruħ waħda u qalb waħda f’Alla nfittxu Lilu.