X’jagħmlek agostinjan?
Li naqdi fejn tkun tridni l-Knisja biex inwassal il-messaġġ tal-ferħ tal-Vanġelu. Minn mindu kont tifel dejjem kont midħla tal-patrijiet agostinjani. Trabbejt ħdejn il-kunvent tal-agostinjani r-Rabat Għawdex. Kont abbati u kont nagħti servizz lil komunità. Wara li spiċċajt l-iskola primarja mort border fil-kulleġġ Santu Wistin meta kien għadu Ħal-Tarxien. Wara li spiċċajt il-form 5 dħalt novizz u komplejt il-mixja tiegħi fil-ħajja reliġjuża. Għamilt l-ewwel professjoni sempliċi tiegħi fis-sena 1960 u ġejt ordnat saċerdot fis-sena 1967. Billi trabbejt f`ambjent agostinjan, il-vokazzjoni tiegħi nafha lir-reliġjużi agostinjani li fihom dejjem sibt għajnuna u orjentazzjoni rigward il-ħajja reliġjuża.
Il-Kariżma agostinjana fid-dinja tal lum
Il-kariżma tagħna hi li ngħixu flimkien ruħ waħda u qalb waħda fi Kristu. Nagħtu servizz lill-Knisja kull fejn meħtieġ. Naqdu fejn tkun tridna l-Knisja biex inwasslu l-messaġġ tal-ferħ tal-Vanġelu. Dan, illum isir f`ħafna attivitajiet tal-Ordni tagħna bħal ma huma universitajiet, kulleġġi, ċentri ta formazzjoni u spiritwalità, parroċċi, mat-tfal u żgħażagħ, fil-missjonijiet u f’diversi oqsma oħra ta promozzjoni umana u nisranija.
Min hu l-agostinjan għalik?
Agostinjan ifisser li inti trid tgħix il-ħajja tiegħek reliġjuża bbażata fuq l-ispiritwalità agostinjana. Tkun agostinjan illum ifisser li trid tagħmel minn kollox biex tgħix il-ħajja tiegħek flimkien ma’ sħabek l-oħra reliġjużi u tgħix f’armonija mal-membri tal-komunità. U tkun dejjem lest biex taqdi l-missjoni tiegħek fejn ikollha bżonnok l-Ordni Agostinjan.