Skopri min hu…Fr. Leslie Gatt osa

leslie

X’jagħmlek agostinjan?

L-impenn tiegħi biex il-wegħdiet reliġjużi li darba għamilt, ikunu kuljum opportunità biex flimkien mal-aħwa nersaq aktar lejn Alla u lejn l-oħrajn.

Il-Kariżma agostinjana fid-dinja tal-lum

…aħna msejħa biex naqdu lill-Knisja u allura lill-Poplu t’Alla f’dak kollu li jkun meħtieġ, bil-ħeġġa li kellu Santu Wistin!

Min hu l-agostinjan għalik?

Il-bniedem li ma jgħejja qatt ifittex kif jista’ jħobb aktar lil Alla u lill-poplu tiegħu flimkien mal-aħwa.

Skopri min hu…il-Kardinal Prosper Grech osa

Prosper

X’jagħmlek agostinjan?

Il-pjaċir li ngħix kif kienet tgħix l-ewwel komunità ta nsara f’Ġerusalemm, li kienu jaqsmu kollox flimkien,  magħqudin f’qalb waħda, jitrejqu bl-Ewkaristija u jżommu il-tagħlim tal-Appostli.

Il-Kariżma agostinjana fid-dinja tal-lum

Ix-xhieda ta qalb dgħajfa li tistategħleb it-tentazzjonijiet li jiġbduha għall-egoiżmu bil-grazzja t’Alla li niksbu permezz tat-talb tagħna flimkien u l-kontemplazzjoni ta Kristu fi ħdan il-Missier.

Min hu l-agostinjan għalik?

Dak li, bħal Santu Wistin, ifittex il-verità, mixgħul bil-ħrara li jsalva lill-erwieħ u mhux mimli bih innifsu imma biss bl-imħabba t’Alla.

 

skopri min hu…Fr. Alan Scerri osa

 alan.jpgX’jagħmlek agostinjan?

Inħoss li dak li jagħmilni Agostinjan huwa il-mod kif ngħix il-ħajja tiegħi ta’ kuljum fid-dawl tal-Kelma t’Alla manifestata fi ħdan komunitá li tħaddan stil ta’ ħajja partikulari – il-fraternitá. Tiprova ta’ kuljum tgħix din ir-rejalta, tikber fiha u timpenja ruhek fl-ħidma li l-istess ħajja ta’ flimkien titlob minnek.

Il-Kariżma agostinjana fid-dinja tal-lum

Forsi l-lum aktar min qabel, li tgħix sejħa partikulari toffri sfida, anki jekk fir-rejalta ma hijiex xi ħaġa tant komplessa.  Li tagħraf  ssib lilek innifsek u tikber l-ewwel u qabel kollox bħala persuna, fil-ħajja ta’ flimkien ma ħutek fil-komunita’ u tesprimi dak li inti u li kbirt fih fil-ħidma u l-appostolat li twettaq, huma fl-opinjoni tiegħi l-pern tal-ħajja agostinjana.  

Min hu l-agostinjan għalik?

L-Agostinjan hu l-bniedem li ta’ kuljum bl-għajnuna t’Alla, qed jiskopri s-sabiħ tal-ħajja u s-sabiħ fil-qalb ta’ l-aħwa li jgħix magħhom ħajtu, il-ħidma tiegħu u dak kollu li hu.  U forsi din li minnha nfisha toffri sfida mhux żgħira…..imma l-ħajja mingħajr sfidi x’inhi?  J’alla din l-sfida tal-ħajja nkomplu ngħixuha b’entużjażmu u kuraġġ.

Skopri min hu…Fr. Luċjan Borg osa

lucjan 2.jpgX’jagħmlek agostinjan?

Ninsab fil-missjoni li l-Ordni agostinjan għandu ġewwa Kuba. Ngħix ma’ sieħbi, agostinjan mill-Arġentina,  ġewwa d-dar li għandna fil-qalba tal-belt antika, La Habana Vieja,  naqdu poplu li jgħix f’kondizzjonijiet ta’ ħajja materjali u spiritwali ferm diffiċli. Qiegħed hawn naħdem fi Knisja li qiegħda tagħmel kull ma tista’, b’mezzi foqra, biex tibni l-personalita tal-kubani fuq valuri sodi mnebbħa mill-Evanġelju. Hija din ir-realta’ li tagħmilni agostinjan. Ħallejt kollox u gejt hawn, filwaqt li stajt ngħix komdu f’post iehor, biex inkun kollni  ta’ Kristu ħalli bħalu u bħala ġebla ħajja tal-Knisja  nissieħeb b’imħabba disinteressata u mingħhajr l-ebda kumpless ta’ superjorita’ fil-bini tal-bniedem  il-ġdid imġedded fi Kristu ġewwa Kuba. Aħjar minn hekk ma narax, fis-sitwazzjoni preżenti, kif nista’ nkun agostinjan.

Il-Kariżma agostinjana fid-dinja tal-lum

Kristu huwa l-qofol tal-Kariżma agostinjana. Waqqaf il-knisja biex tkompli l-missjoni tiegĦu fiż-żmien u l-istorja. Il-knisja ma hijiex blokk monolitiku, imma spazju fejn jimirħu diversi forom ta kif wieħed ir-reliġjuż jgħix il-vokazzjoni tieħu u din il-missjoni. Waħda minn dawn il-forom hija l-kariżma agostinjana. L-Agostinjan huwa msejjaħ sabiex jgħix il-komunjoni fil-komunità. Din hija l-kariżma agostijana li tibda titwettaq ġewwa l-istess komunità reliġjuża fejn jgħix l-agostinjan u tinfirex fid-diversi oqsma tal-ħajja umana u nisranija. L-umanità tal-lum hija umanità mfarrka u maqsuma, mibnija fuq il-firda mwellda mill-egoiżmu u mill- interessi personali u  mimlija diskriminzzjoni, inġustizzji soċjali u faqar li joqtlu l-ġid komuni.  Fl-istess ħin, hija umanità li  tixtieq  tkun tassew familja waħda, fejn ħadd ma jigi emarġinalizzat u fejn isaltnu l-verità, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-għaqda mibnija fuq il-vera mħabba.  Liema hija Il-missjoni tal-kariżma agostinjana fid-dinja tal-lum jekk mhux li tiġġieled kontra dak kollu li qiegħed ifarrak u jifred l-umanità u taħdem biex jitwettqu l-valuri umani u evanġeliċii li jwelldu l-għaqda, il-komunjoni, il-verità, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-imħabba? 

Min hu l-agostinjan għalik?

L-agostinjan huwa persuna fi proċess kontinwu ta maturita’ umana, nisranija u reliġjuża. Magħġun fi Kristu u nnamrat mill-knisja u mill-istess bniedem, filwaqt li jinbena fis-sod permezz ta’  ħajja spiritwali awtentika,  iħares lejn il-ħajja b’ħarsa posittiva u realista fl-istess ħin, dejjem b’għajnejh miftuħa biex b’sens kritiku janalizza s-sitwazzjoni reali tal-eżistenza umana u fuq kollox ħalli  b’qalb  imkebbsa  jaħdem bla waqfien għat-tiġdid tiegħu innifsu, tal-komunità eliġjuża li jgħix fiha, tal-knisja u tas-soċjetà.

skopri min hu… Fr. Hilary Tagliaferro osa

 hilary2.jpgX’jagħmlek agostinjan?

Il-fatt li dejjem kont viċin il-poplu u n-nies, fqar u sinjuri inħossni nixbah lil fundatur tagħna S.Wistin.

Il-Kariżma agostinjana fid-dinja tal-lum

Hija l-imħabba.  l-emblema tal-Ordni agostinjan hija l-qalb taqbad minfuda. 

Min hu l-agostinjan għalik?

Dak li jħobb il-ħajja u jrid jgħixha fil-“milja kollha tagħha ma’ Kristu” mhux waħdu imma mal-ohrajn , kemm fil-komunita’ u kemm barra

skopri min hu…Fr. Peter Paul Cachia osa

peter paul2.jpgX’jagħmlek agostinjan?

Li ngħix ma’ sħabi li bħali għażlu li jgħixu fuq il-passi ta’ Kristu fuq still ta’ ħajja li ipproponilna kemm S. Wistin u kemm il-Knisja. Flimkien nagħmlu ħilitna biex nitqaddsu u nqaddsu lil dawk kollha li l-Mulej ilaqqgħana magħhom.

 

Il-Kariżma agostinjana fid-dinja tal-lum

S. Wistin fir-Regola jitlobna biex ma “ngħidux li għandna xi ħaġa tagħna”. Fid-dinja tal-lum dan ifisser li naqsmu ma’ min u fejn min inkunu biex nimlew il-ġuħ tagħhom kemm dak spiritwali u kemm dak materjali, għax ilkoll kemm aħna aħwa fi Kristu.

 

Min hu l-agostinjan għalik?

L-Agostinjan huwa dak li għax huwa konvint li l-proġett tal-ħajja tiegħu hija l-vokazzjoni reliġjuża agostinjana, illum jinsab ferħan u realizzat fil-ħajja. Mid-diffikultajiet u l-problemi tal-ħajja, li ma jonqsu qatt, jipprova ta’ kuljum jaqta’ ftit ward.

skopri min hu…Fr. Raphael Abdilla osa

 raphael.jpgX’jagħmlek agostinjan?

is-sejħa li nkun membru minn komunità reliġjuża u li flimkien ma’ ħuti ngħix fil-preżenza ta’ Alla. Inħoss il-bżonn ta’ dan l-ambjent ta’ flimkien biex ngħix il-ħajja tiegħi kkonsagrata u dik saċerdotali. Hawn ġew, fil-kunvent, għandi dan l-appoġġ biex ngħix is-sejħa li għamilli Alla 40 sena ilu.

Il-Kariżma agostinjana fid-dinja tal-lum

li turi lill kulħadd li minkejja tant sfidi li qegħdin inħabbtu wiċċna magħhom biex issaltan fost il-bnedmin il-għaqda ta’ bejn kulħadd, aħna dan is-sinjal fid-dinja tal-lum: huwa possibli ngħixu flimkien magħqudin.

Min hu l-agostinjan għalik?

dik il-persuna b’qalbha miftuħa biex tingħata kemm tista’ għal dak li jrid Alla minnha fil-persuni li tgħix u li tiltaqa’ magħhom.

skopri min hu…Fr. Raymond Francalanza osa

raymond.jpg 

X’jagħmlek agostinjan?

Naħseb l-isbaħ ħaġa li ngħożż hi li nista’ naqsam il-vjaġġ ta’ ħajti u l-ħidma pastorali fil-Knisja ma’ sħabi…mhux waħdi!

Il-Kariżma agostinjana fid-dinja tal lum

Nemmen li l-ikbar servizz li nistgħu noffru bħala Agostinjani, hu li nkunu bennejja ta’ komunitajiet..u li nimxu ma kull persuna …anke fid-domandi tagħhom u tagħna. M’għandniex jkollna għaġġla nagħtu tweġibiet…id-domandi għandhom ċertu ritmu fihom infushom…jinħadmu fina nfusna u maż-żmien jagħtu l-frott. Din kienet wara kollox l-esperjenza ta’ Wistin!

Min hu l-agostinjan għalik?

Għalija l-Agostinjan vera hu l-bniedem li jaf li għadu ma wasalx….li hu stess qed jagħmel vjaġġ. Fuq kollox, reliġjuż agostinjan għalija narah li jkun bniedem innamrat ħafna ma’ Alla, mal-ħajja, mal-ħelsien u mal-imħabba. Fil-fond ta’ qalbi nixtieqni li nkunu bħal mara li tkun ‘tqila’…hi xbieha mill-isbaħ din..li nkunu persuni ‘tqal’..b’Alla…‘tqal’ bid-dawl. U l-ferħ! Dan hu li jien ukoll nitħabat ħafna biex nkun.

skopri min hu…Fr. Josef Sciberras osa

josefX’jagħmlek agostinjan?

Qabel xejn is-sejħa li wieħed jirċievi għal din il-ħajja, li flimkien mal-formazzjoni u l-esperjenzi li wieħed jirċievi isawwar l-ispirtu agostinjan fil-persuna.

Il-Kariżma agostinjana fid-dinja tal-lum

Ixxettel spirtu ta’ interjorità, komunjoni u servizz f’dinja li għatxana għal Alla imma ma tafx fejn tfittxu.

Min hu l-agostinjan għalik?

Huwa l-persuna li, fuq il-passi ta’ Wistin u minkejja d-dgħufija, tagħmel mill-interjorità, mill-komunjoni u s-servizz stil ta’ ħajja kemm jista’ jkun imsawwar fuq l-eżempju tal-ewwel komunità nisranija.

skopri min hu…Fr. Mario Abela osa

mario abela.jpg

X’jagħmlek agostinjan?

Meta naqsam dak kollu li jien mal-aħwa fil-komunita’ tagħna reliġjuża u wara dak li kabbarni lejn Alla u lejn il-komunita jkun kapaċi naqsmu ma tant żgħażagħ u familji li għandi xi kuntatt magħhom fil-ħidma pastorali tiegħi.

Il-Kariżma agostinjana fid-dinja tal-lum

Il-Kariżma tagħna hija attwali illum u dejjem għax il-bniedem għandu xewqa kbira li jiltaq’ ma Alla permezz ta’ persuni jew gruppi oħra. Hawn għatx kbir għal Alla u aħna nistgħu ngħinu ħafna biex jinqata’ dan il-għatx f’din is-soċjeta tagħna.

 

Min hu l-agostinjan għalik?

Huwa dak li għandu qalb li taf tħobb lil Alla u lill-proxxmu tiegħu bla ebda distinzzjoni ta’ kulur jew razza.