l-imħabba t’Alla b’xejn

the_romantic_theme_of_highdefinition_picture_6_170327.jpg

Kemm irrid naħfer? Kemm nista’ nirċievi imħabba mingħand Alla? Kemm ser nagħti imħabba? Kif nista’ naħfer?

Għadab u qilla – huma sentimenti naturali li jitilgħu fil-wiċċ meta nkunu mweġġgħin minħabba xi inġustizzja. Mhux faċli li naħfru u mhux xi ħaġa li tiġi mill-lum għal għada, huwa proċess, mixja li titlob minna ħafna kuraġġ u qawwa mill-Mulej.

Kemm-il darba għandna naħfru?

Pietru jistaqsi sa seba’ darbiet? Hawnhekk Pietru diġà qiegħed jifhem li Ġesù ser imur iktar mill-obbligu tal-kittieba u l-qassisin li kienu jaħfru biss lil Lhud sa 3 darbiet għax għar-raba darba kellhom jirrikorru għal-liġi.

Imma Ġesù imur oltre, jgħid sa 77 darba (ġejja mill-fatt li fil-Ġenesi, Lamek wieħed mid-dixxendenti ta’ Kajin, qatel raġel għax ġerħu u żagħżugħ għax benġlu u kien ser jitħallas (jaqlagħha) 77 darba.

Hawnhekk Ġesù qiegħed jaqleb 77 darba minn tpattija għal maħfra – 7 numru perfett u 77 numru infinit.

Ġieli qtajt qalbek mill-maħfra tal-Mulej għax ħassejtek midneb? Ġesù llum qiegħed jgħidlek, jien nibqa’ naħfirlek…int tixtieq taħfer lil ħaddieħor bl-istess mod?

 X’naħfru? Maħfra sproporzjonata?

L-10 t’elef talent jirrappreżentaw ammont kbir ta’ dejn li kien impossibbli li jitħallas kollu minn min ried jagħti l-flus. Hawnhekk il-parabbola tippreżentalna s-Sinjur li jaħfirlu dan id-dejn kollu.

Dan l-istess qaddej jiltaqa’ ma’ wieħed minn sħabu (l-istess livell) li kellu jagħtih mitt dinar (somma konsiderevoli imma mhux daqs dak l-ammont li nħafirlu) u dan il-qaddej qabdu minn għonqu u qallu biex iħallsu tant li tefgħu l-ħabs minħabba li ma ħallasx id-dejn.

Għandna is-Sinjur (li jirrappreżenta lil Alla) li jaħfer ħafna, bl-abbundanza. Il-qaddej li jirrappreżenta lilna li xi drabi nsibuha diffiċli li naħfru u nfetqu fl-affarijiet iż-żgħar.

X’nistgħu nagħmlu?

  • Nkunu nies ta’ kompassjoni u mogħdrija
  • Ma nħallux li ħutna jibqgħu skjavi tal-passat (persuni li kienu vittma ta’ vizzji, persuni li kienu l-ħabs, persuni li għamlu xi ħaġa ħażina) għax għamlu xi ħaġa ħażina – hemm opportunità ġdida, ċans ġdid
  • Ma nifgawhiex meta jkun qiegħed iqum fuq saqajh u jgħajjat għall-għajnuna.
  • Il-Mulej qiegħed jistedinna biex ngħinuh 77 darba, nagħtuh ċans ieħor, inkunu miegħu bħalma hu jkun magħna kull darba li jaħfrilna fis-sagrament tal-maħfra.

fr. Terence Spiteri osa

77

reconciliation.jpgSilta li tkellimna fuq il-maħfra. Lkoll rċevejna xi azzjoni ħażina fejn weġġajna u fejn sibna li naħfru lil xulxin hija xi ħaġa diffiċli.

Ġesù jfakkarna li l-maħfra hija waħda mill-marki li tagħmilna dixxipli veri tiegħu. Li taħfer ma hix xi magic, jew xi automatic switch. Hemm proċess ta’ fejqan. Hemm bżonn nitolbu għaliex it-talb inissel fina l-Ispirtu ta’ Ġesù, li hu spirtu ta’ ħniena u ta’ maħfra.

Il-maħfra hija diffiċli. Probabilment naħsbu li Pietru kien verament ġeneruż meta issuġerixxa li jrid jaħfer lil sieħbu sa 7 darbiet. Imma Ġesù jimbotta dan kollu u jgħid mhux sa’ 7 darbiet imma sa 77 darba – fil-prattika b’mod infinit. Nistgħu narawha bħala xi ħaġa idealista u mhux prattika. Imma jekk nirrifflettu ftit, din tgħinna biex nirrealizzaw li ma hemmx alternattiva oħra għan-nisrani u għal persuna verament umana li taħfer b’mod infinit.

Hemm differenza bejn taħfer u tinsa. Ħafna drabi ngħidu aħfer u insa. Tinsa ma tistax (għaliex ma tistax tħassar dak l-avveniment minn ħajtek)…tintegrah iva, tagħmlu parti minnek iva, taħfer iva u hemmhekk tkun qed timxi livell differenti, li qiegħed tirrikonċilja u tqis lil bniedem ieħor bħala uman.

Fil-fatt li taħfer fis-sens sħiħ nisrani huwa forma ta’ imħabba u ta’ caring. Il-problema hija li l-azzjonijiet tal-persuni kontrina narawhom bħala attakk fuq  il-vulneribiltà tagħna u fuq s-self esteem. Nispiċċaw kompletament ossessjonati għal dak li qed jiġrilna u ma nieħdux il-ħin u nirriflettu x’hemm wara l-behaviour tal-persuna l-oħra.

Għalhekk hemm bżonn ta’ rikonċiljazzjoni – magħna nfusna, mal-oħrajn u ma’ Alla. It takes two to tango. Li wieħed jitlob u wkoll li jirċievi r-rikonċiljazzjoni. B’Alla fis-sagrament tar-rikonċiljazzoni, u wkoll man-nisrani individwali, il-maħfra hija dejjem available imma biss meta wieħed ifittex li b’mod mutwu jfejjaq il-feriti. Hemmhekk ikun hemm ix-xewqa li jkun hemm bidla fil-moħħ u fil-behaviour u li tpoġġi wkoll fit-tmiem il-mod tad-dnub.

fr. David Cortis osa

Nimxi warajk biex…

download

Rabja kbira

Il-profeta Ġeremija fl-ewwel qari jinsab f’sitwazzjoni ta’ disperazzjoni għax qiegħed jipprova jwassal messaġġ u biex jibqa’ fidil mal-missjoni tiegħu qiegħed jaqla ħafna fuq wiċċu u għalhekk idur fuq Alla u jgħidlu qarraqtni Mulej, u jien tqarraqt. Ma jiflaħx jara iktar li l-poplu Lhudi qiegħed jitfarrak qabel il-waqgħa ta’ Ġerusalemm u r-re ta’ dak iż-żmien Ġeħojakin iktar moħħu fil-palazz tiegħu milli fil-poplu li suppost jieħu ħsieb. Il-qassisin jippriedkaw reliġjon mimlija riti vojta u ma jmissux il-qalb tal-poplu biex jinbidel.

 

Ġeremija iħossu waħdu u jħoss li l-Mulej ittradieh għax mhux jirnexxilu jwettaq il-missjoni li tah Alla, u bħal donnu mhux jinduna li Alla xorta waħda jinsab miegħu – għal mument jirrabja u jistaqsi fejn hu Alla? Ma jridx jaf iktar b’Alla u lanqas jitkellem fuqu.

 Nar ibaqbaq

Imma minkejja dan kollu, f’qalbu xorta għad hemm in-nar ibaqbaq u għalhekk mhux ser iħalli l-missjoni tiegħu tintemm fix-xejn.

Min ma jgħaddix minn sitwazzjonijiet simili fil-ħajja tiegħu? Xi drabi jkollna aptit nirrabjaw mal-Mulej u ngħidulu ara fhiex ġibtna, tkellem… imma imbaghad ikun hemm esperjenzi jew persuni li jerġgħu jixgħelulna l-fjamma ta’ qalbna. X’inhi dik li tixgħel il-fjamma ta’ qalbek?

 

Ġid tal-art

Il-Lhud ta’ żmien Ġesù kienu jemmnu li għad jiġi żmien (fl-aħħar jiem) fejn l-art tinbidel fi ġnien kbir mimli fjuri u frott, għad jiġi żmien fejn ikun hemm ikel bl-abbundanza għal kulħadd…insomma kienu jemmnu li għad ikun hemm dinja isbaħ u aħjar.

Id-dixxipli ukoll kien jemmnu b’din l-idea u kienu konvinti li t-tmiem tad-dinja huwa imminenti. Ġesù jixtieq li ma jsegwuhx għax ser ikollhom il-ġid tal-art u l-frott bl-abbundanza, hu mhux qiegħed jimxi wara xi rebħa partikolari imma kien sejjer Ġerusalemm biex ibati, imut u jqum mill-mewt.

Id-dixxpli jitħawwdu għax huma kienu tgħallmu li l-Messija mhux ser imut. Pietru jieħu over u jesprimi dak li jħoss għax ma jaċċettax li Ġesù jmut. Ġesù jdur lejh u jgħidlu ejja warajja (mhux eżatt itlaq minn quddiemi, ja xitan) – bħal donnu jistiednu biex jmxi warajh ħalli ma jintilifx.

Ġesù jdur fuq id-dixxipli jurihom xi tfisser li tkun dixxiplu:

Jiċħad – tiċħad lilek innifsek – ma tibqax tħalli kollox idur miegħek, qisu int iċ-ċentru tad-dinja. Ma tibqax taħseb li biex tkun kuntent trid tirċievi ħafna grazzi, jew tifħir fil-ħajja.

Anke mill-aspett spiritwali – ma nitlobx jew nagħmel il-karità biex ikolli post fil-ġenna imma għax veru nixtieq li nagħti minn dak li għandi, mit-talenti u d-doni li tani l-Mulej. Kif qiegħed ngħix din l-għotja fil-ħajja tiegħi u fit-talb?

Jerfa’ salibu – ma jfissirx li nsawwat lili nnifsi jew nieħu gost bit-tbatija imma li jien inkun konvint mill-valuri nsara tal-Vanġelju. Nimxi wara Kristu anke meta nsib ruħi f’sitwazzjonijiet skomdi jew li faċli nidħol f’kompromessi.

Jimxi – li jien nsegwi lil Kristu, nieħu sehem mill-missjoni tiegħu, nagħti ħajti bl-imħabba flimkien miegħu.

 

fr. Terence Spiteri osa

unfinished symphony

schubertUnfin03

L-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd ikompli mas-silta tal-Ħadd li għadda. Il-Ħadd li għadda rajna l-ewforija tad-dixxipli u ta’ Pietru fejn raw li Ġesù huwa l-imgħallem, il-ħabib u l-Messija tant mistenni f’Israel. Min jaf kemm kien mument ta’ eċitament għalihom. U Ġesù wkoll ta r-responsabiltà lil Pietru u lid-dixxipli. Pietru – il-blata li ma tiċċaqlaqx – jiġifieri fuq xiex tinbena l-Knisja.   Kien mument ta’ ferħ, għaliex huma kienu qegħdin jistennew Messijah – glorjuż u Sultan qawwi u għalhekk kienu qed jaħsbu li ser ikollhom sehem mill-glorja tiegħu u mill-privileġġi li jista’ jkollhom.

Imbagħad ħabta u sabta – XOKK…u naraw dak li qalilna Ġesù permezz tal-Evanġelista – nerfgħu Ġesù beda juri lid-dixxipli tiegħu li kien meħtieġ għalih li jmur Ġerusalemm, isofri ħafna mix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum. Min jaf x’xokk kien dak. Doċċa kiesħa. Min jaf kif ħassewhom konfusi u mħawwda…U hawn tiġa l-protesta ta’ Pietru…Pietru jiġbdu lejh u jipprotesta.  U Pietru ħaseb li ser jikkonvinċih. Imma Ġesù uża kliem iebes…Itlaq minn quddiem ja xitan. U Pietru min jaf kif ħassu – speċi – mela l-ewwel qalli jiena l-blata u issa xitan u ostaklu għall-missjoni tiegħu…X’qed jipprova jgħid? Ma nista nifhem xejn..

Quddiem din is-silta mill-Evanġelju skont San Mattew wieħed jista’ jistaqsi, x’inhu l-kristjaneżmu? Huwa xi prodott iddisinjat b’mod sew għal konsumatur, li fih tista tagħżel?  Jekk naħsbu ftit u naraw din is-silta tal-lum, naraw li ma huwiex hekk. Li tkun nisrani jfisser

  • Huwa relatat mad-dixxiplulat, li tkun dixxiplu
  • Huwa marbut mal-komunità
  • Li tagħmel ir-rieda tal-Missier fis-sema

Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja

U xi jrid iffiser biha din Ġesù?

Nerfgħu s-salib tagħna ta’ kuljum, niċħdu lilna nfusna biex insibu ħajja aktar profonda

  1. Naċċettaw lil t-tbatija hija parti mill-ħajja tagħna. Li fil-ħajja jkun hemm il-frustrazzjoni, disappunti, mard, inġustizji, dwejjaq, etc…li naċċettawhom mingħajr qrusa.
  2. Li quddiem din il-qrusa ma ngħadduhiex lil oħrajn. (hawn mhux insemmi li wieħed jaqsam dak li għaddej minnu – imma qed nirreferi għall-qrusa fina u l-vendetta)
  3. li naċċettaw mwiet ieħor qabel dak fiżiku biex verament insibu l-ħajja vera…Il-mewt li naħseb li jien l-aħjar, l-egoiżmu, il-look at me, etc. Nsemmu dan il-mewt tagħna, u nħallu dak li huwa mejjet fina biex nirċievu spirtu ġdid ta’ ħajja ġdida.
  4. Li għandna nistennew il-Qawmien għaliex hawnhekk fil-ħajja s-sinfoniji kollha mhux ser ikunu lesti. Għalhekk naċċettaw biex ngħixu f’din l-“unfinished symphony”
  5. Li nkunu miftuħa għas-sorpriżi t’Alla – il-ħin kollu.
  6. U li għal Alla xejn ma hu impossibli, fejn Alla huwa ikbar minn dak li aħna nimmaġinaw bħala bnedmin. U għalhekk ma nirriduċux lil Alla għall-imaġinazzjoni limitata tagħna.

fr. David Cortis osa

vox pop

vox_pop_logo_idea_dribble-01.jpgIllum saret moda din l-biċċa tal-vox pops…u għal diversi affarijiet nisimgħu jew naraw minn jistaqsi mistoqsijiet biex jitwieġbu.  U llum fl-evanġelju għandna wkoll mistoqsija jew aħjar żewġ mistoqsijiet. Ħafna drabi ma naħsbux fuq din il-ħaġa, imma nindunaw li l-Evanġelji huma mimlija bil-mistoqsijiet. Xi kultant jidher li hemm iktar mistoqsijiet milli tweġibiet. Il-mistoqsijiet jfissru tfixxija, li wieħed ikun għatxan għall-għerf…ikunu mistoqsijiet ġenwini u mhux mistoqsijiet tricky.  U hawnhekk nindunaw li permezz tal-mistoqsijiet, għandna l-persuni li qegħdin infittxu l-verità, li nixtiequ lil Alla…u aħna lkoll għandna dawn il-mistoqsijiet tagħna.

U llum, wara li staqsihom, Min jgħidu n-nies li hu Bin il-Bniedem? staqsihom ukoll, Imma intom min tgħidu li jien?…

Huma żewġ mistoqsijiet fuq livelli differenti. Wieħed inti x’taf fuq Bin il-Bniedem….u aħna nistgħu ngħidu x’jingħad fuqu:

Imma Ġesu – bħal vanġelu tal-lum – mhux x’jaħseb/x’jgħid ħaddiehor fuqu jrid…. imma… x’naħseb jien?/x’jfisser hu għalija..li hi differenti minn deskrizzjoni!….u għalhekk ngħaddu għal-livell differenti….Mhux deskrizzjoni imma fuq livell personali.

Issa din ukoll,

  1. li jħarsu lejh biss minn għajnejn ta’ storja: dan Alla tagħna għandu isem u wiċċ, u nafu wkoll kif għex, kif jirraġuna u jaħsibha!
  2. Hemm dawk li Dawk li għalihom Ġesu kien raġel tajjeb/influwenti imma li llum m’għadux daqshekk relevanti. Qisu li qal kien jgħodd għal żmienu biss, illum dan m’għadux jgħodd. Ez: qalilna biex naħfru u nħobbu lill-għedewwa imma llum aħna m’aħniex tfal u dan illum sar impossibli.
  3. Dawk li għalihom xejn mhu xejn.. Qalbhom hi mejta
  4. Dawk li għalihom Ġesu hu Alla- Salvatur – Messija – kompann fil-vjaġġ tagħna: Għandhom relazzjoni miegħu, jibżgħu għaliha, jaħdmu biex ikabbruha mhux biex jitilgħu il-ġenna imma għax iħobbuh ħafna. Ma jibdluħx malajr, ma jbiegħuħx għal sempliċi mistħija jew ma’ opinjoni pubblika. Jagħmlu minn kollox biex jgħixu l-ħajja kif qalilna Hu.

Meta Pietru wieġeb għal-mistoqsija li għamel Ġesù, fejn identifikah bħala l-Iben t’Alla, naraw li ra xi ħaġa aktar profonda f’Ġesù li kienet divina, u li kien xi ħadd ġej mill-Missier.  U bħala risposta, Ġesù jara xi ħaġa aktar profonda wkoll f’Pietru, li imma Pietru ma setgħax jara għalih innifsu…qisu qallu Ġesu – ok, int għidli jien min jien…issa ser ngħidelk int min int. Inti  Blata.

Ma naħsibx li Pietru qatt ħaseb fuqha din. Ma kienetx biss sorpriża għalih biss imma wkoll għal dawk ta’ madwaru. Qabel jien jismu Xmun, u issa minħabba Ġesù, ser jidħol f’identità ġdida.  Dan ħa ż-żmien għaliex, minħabba l-behaviour ta’ Pietru ma Ġesù, nafu li ma kienetx tant solida u qisha blata, mhux qabel il-qawmien ta’ Kristu.

U naraw li Ġesu jarana differenti. Jmur lil hemm mill-apparenzi. Aħna niġġudikaw lin-nies bl-apparenza. Ġesu jarana b’insight iktar profond. Huwa niżel fin-nies u ra l-aħjar li hemm fihom, u ipprova jara dawk il-kwalitajiet sbieħ li hemm ġo fihom.

fr. David Cortis osa

inti parti minn mużajk sabiħ

462091325_smKnisja

Forsi malli nisimgħu din il-frażi Inti Pietru, u fuq din il-blata nibni l-knisja tiegħi… moħħna mill-ewwel imur fuq blata soda u allura naħsbu fil-Papa, l-isqfijiet, il-kardinali, għorrief eċċ.. insomma immorru għal irjus kbar li qegħdin imexxu l-knisja. IMMA ninsew li l-knisja hija magħmula minn diversi biċċiet, diversi persuni oħrajn. Bħal mużajk li anke l-biċċiet iż-żgħar huma importanti biex l-istampa tidher sabiħa u tagħmel sens inkella ma tkunx sħiħa. Kull biċċa tirrifletti s-sbuħija ta’ Kristu u għalhekk hija prezzjuża u essenzjali.

Min hu Ġesù?

Mattew fl-Evanġelju jistedinna naħsbu min hu Ġesù għalina, min hu Ġesù għalija… mhux min kien imma min hu.. bħalissa.. fil-ħajja tiegħi. Mhux bi frażijiet li tgħallimna meta konna żgħar imma min hu Ġesù għalija fil-ħajja tiegħi?

Interessanti li Ġesù jistaqsi żewġ mistoqsijiet…l-ewwel jistaqsi min jgħidu n-nies li hu – dak li taħseb id-dinja u infatti jirrisponduh b’ismijiet kbar u ta’ importanza kbira għal Lhud.

Imbagħad idawwar il-mistoqsija fuqhom u jolqothom fil-laħam il-ħaj – Imma intom min tgħidu li jien?

Issa mhux iktar x’taħseb id-dinja jew x’naħseb jien li hu – mhux iktar opinjoni jew impressjoni imma x’differenza jagħmel f’ħajtek? Biex tkun tista’ tirrispondi din id-domanda huwa essenzjali li tkun għixt l-esperjenza tal-Mulej. Bħalma frotta tkun tista’ tgħid li hi tajba jekk tkun doqtha, tkun għamilt esperjenza tagħha inti stess.

Id-Dixxipli u Pietru

F’din is-silta naraw lil Ġesù jistaqsi lid-dixxipli, lil dawk li kienu suppost jafuh, lil dawk li dejjem miegħu, viċin tiegħu min hu.. imma Pietru biss jirrispondi u jagħmel affermazzjoni mimlija fidi li mhux ġejja minnu bħala bniedem. Infatti Ġesù jgħidlu mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan imma missieri li hu fis-smewwiet.

Għal Pietru, Ġesù hu iktar minn profeta, huwa Messija. “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj.” Kristu imbagħad jgħidlu Inti Pietru (kefas) (blata)…jagħtih missjoni. Il-blata jew il-ġebla lesta li tilqa’ l-ġebel l-ieħor għall-bini. Jitolbu biex jgħin lil ħutu f’din il-mixja.

Ċwievet

Jissemmew ukoll iċ-ċwievet – li ssemmew ukoll fl-ewwel qari… f’mument fejn kien hemm tibdil fit-tmexxija.

Lil Pietru jagħtih l-imfietaħ mhux biex jagħlaq imma biex jiftaħ, biex jiftaħ beraħ…Dan hu l-iskop tal-knisja li tiftaħ il-bibien tagħha għal kulħadd..

fr. Terence Spiteri osa

Fejn int Mulej? Minn fejn għaddejt?

img_4384.jpgFejn int Mulej? Minn fejn għaddejt? – hekk hu l-ewwel qari u t-tema ta’ dan il-Ħadd.Dixxipli li qegħdin jikkumbattu baħar qawwi u rħieħ qawwija. Hija parabolla għall-Knisja innifisha, irrapreżentatha mid-dixxipli fl-għajja tagħhom mdawwra ma’ rjieħ u mewġ għoli. U dan joħloq ħafna biża’ u anzjeta.  Imbagħad f’mument jersaq Ġesù jimxi fuq il-baħar. Il-baħar fi żmien il-Bibbja huwa xi ħaġa mniġġsa, huwa xi ħaġa tal-biża, xi ħaġa mistkerħa. Li Ġesù jimxi fuqu jfisser li huwa għandu aktar qawwa mill-biża’ tal-baħar.  Imma quddiem dan kollu d-dixxipli iktar jħossuhom imbeżża u jwersqu lil huwa fatat.

U f’dak il-ħin ikun hemm vuċi li tgħid – Kuraġġ! Jiena hu! La tibżax. Jien hu – ego eimi – l-istess kliem li uża lil Mose fis-sigra taqbad.

Pietru jirrispondi u Ġesù jgħidlu “EJJA”…imma l-biża għalqitu fih innfisu u beda jereq… “Mulej, salvani!” hija l-għajta li ħafna nsara jibku matul is-snin quddiem id-dinja u dak li jkun għaddej.

Ġesu ma hux fuq id-dgħajsa, imma f’ambjent ostilli li ħafna drabi nibżgħu nidħlu u ninħbew fis-sigurtajiet tal-Knisja tagħna. Huwa sinifikanti lil Ġesù nsibuh barra d-dgħajsa f’nofs il-maltempata, fid-dinja. U hemmhekk irridu immorru biex niltaqgħu miegħu, minkejja l-perikli. Ħafna drabi, aħna l-insara nqattaw wisq ħin fis-shelter tad-dgħajsa, nieħdu ħsieb lilna nfusna u ninjoraw lil dawk li qegħdin f’baħar imqalleb li għandhom bżonn  jisimgħu l-kliem tal-ħajja, ta’ tama, u ta’ inkoraġġiment.

Għalhekk aħna nistgħu nsibu lil Ġesù fid-dgħajsa meta aħna lesti li noħorġu mill-kumditajiet tagħna, u biex insibuh fid-dinja, dak il-post fejn l-inqas nistennew u fejn huma ostili għal viżjoni nisranija

Bħal episodju ta’ Elija – ma hux fil-muntanja, fir-riħ, fit-terremot, fin-nar imma f’ħoss ċkejken ta’ żifa u hemm Elija jinduna li qed fil-preżenza tal-Mulej. Ġesù jmiss l-uċuħ tagħna b’żiffa ħelwa kuljum imma aħna tant aħna megħdijin bil-ħafna rjieħ, bit-teremotti u bin-nar fil-ħajja tagħna li jġibu attenzjoni u biża li ma nindunawx biż-żiffa ħelwa tiegħu.

fr. David Cortis osa

ejja…

trust

Żewġ ‘heroes’

Elija jaħrab minn sitwazzjoni diffiċli, ir-reġina Ġeżabel riedet toqtlu għax hu kien qatel lil profeti li kienu qegħdin imorru kontra t-tagħlim tal-Mulej, dawk li jissejħu Baal… sitwazzjoni partikolari għax hu beda jħossu importanti u li qiegħed jirnexxielu, fuq kollox qiegħed jagħmel dak li kien qallu l-Mulej biex jerġa’ jiġbed lil poplu wara t-tagħlim tiegħu u mhux wara dawn il-profeti foloz…ħass ukoll   li m’għandux bżonn l-għajnuna tal-Mulej. Ħassu hero!

Il-Mulej jinqeda propju b’din is-sitwazzjoni diffiċli biex jiltaqa’ miegħu… infatti ħin minnhom ftit qabel il-qari li qrajna llum Elija jkun ser jaqta’ qalbu u jgħidlu ħudli ħajti Mulej, biżżejjed…

Għar  – twelid u mewt

L-għar fil-Bibbja u fl-istorja jirrappreżenta it-twelid u l-mewt… naraw minn Kristu stess> l-għar ta’ Betlem u l-għar jew il-qabar ta’ Kristu li kien forma ta’ għar fl-aħħar mill-aħħar. Elija f’din ix-xena jgħix it-twelid u l-mewt… mewt tas-suppervja tiegħu u t-twelid mill-ġdid għax il-Mulej jerġa jkellmu u jurih lilu nnifsu.

Aħna kemm-il darba konna fl-għerien fil-ħajja tagħna imma nistaqsu ftit bqajna fl-għerien tal-biża, tal-mewt jew inkella ħriġna mill-għerien u komplejna nintelqu f’idejn il-Mulej?

Żiffa ħelwa

Kuntrast kbir mar-riħ qawwi u t-terremoti… Elija kien jaħseb li Alla huwa dak li jista’ kollox, dak li jaħraq u jkisser kollox, super hero imma fil-verita’ Alla ma kienx f’dawn l-elementi imma fuq kollox kien fiż-żiffa ħelwa… fil-ħajja tagħna kif nirraġunaw mal-Mulej, kif naħsbu li hu Alla fil-ħajja tagħna? Żiffa ħelwa jew riħ u terremot? Kif ngħixu l-preżenza tal-Mulej fil-ħajja tagħna? Fl-affarijiet iż-żgħar jew nippruvaw nagħmlu ħafna daqq ta’ trombi? Iż-żiffa tfisser ukoll li l-Mulej qiegħed diġà fil-qalb tagħna, qiegħed diġà fina, imma forsi xi kultant nistennewh fl-affarijiet il-kbar?

Baħar – Fl-Evanġelju S. Mattew ma jixtieqx jurina l-miraklu fih innifsu imma fuq kollox biex joħroġ min hu Kristu, u d-dgħufija tad-dixxipli. Il-baħar imqalleb nassoċjawh mal-maltemp, nqabbluh mal-inkwiet u d-diffikultajiet fil-ħajja tagħna u l-istess ħaġa fil-Bibbja. Il-baħar ifakkarna fil-mumenti fejn bżajna u ħassejna li l-Mulej insiena, il-Mulej qiegħed ‘il bogħod imma imbagħad tlabna l-għajnuna lil Mulej fid-diffikultajiet li ltqajna magħhom fil-ħajja tagħna u lkoll nafu li bl-għajnuna tiegĦu biss nistgħu noħorġu minnhom.

Pietru fil-Vanġelu jiddubita min hu Kristu u jipprova jistaqsih biex jara jekk hux il-Mulej… il-Mulej min-naħa l-oħra jwieġbu u jgħidlu ‘ejja’… imma dik l-‘ejja’ fil-verita’ hija biss stedina biex joħroġ minnu nnifsu, mill-biżgħat, stedina biex iħares biss lejn wiċċ Kristu għax hu biss jista’ jagħtina t-tama u l-fiduċja. Imma Pietru ftit wara beda jiddubita u reġa’ tilef il-fidi… il-fidi tad-dixxipli fl-Evanġelju ta’ S. Mattew hija batuta ħafna… “nies ta’ fidi żgħira..” qabel il-passjoni Kristu jistedinhom biex jitolbu miegħu u jorqdu…

Id-domanda li Ġesu’ jagħmel lil Pietru qiegħed jagħmilha lilna ukoll “Bniedem ta’ fidi żgħira għaliex iddubitajt…” – ftit qabel iżda lid-dixxipli qalilhom “Jien hu, tibżgħu xejn..”

fr. Terence Spiteri osa

lest titla’ l-muntanja?

IMG_20170803_192016.jpgGħalfejn jitilgħu fuq il-muntanja?

San Mattew ma jgħidilnix għalfejn Ġesù flimkien ma’ Pietru, Ġakbu u Ġwanni jitilgħu fuq il-muntanja, bħal donnu l-importanti li joffrilhom din l-esperjenza qawwija.

Għalfejn Ġesù jitla fuq il-muntanja mad-dixxipli?

Nistgħu nobsru li Ġesù hawnhekk xtaq jitlob…jara li dak li qiegħed jagħmel huwa parti mir-rieda l-pjan t’Alla. U nistgħu ngħidu li f’din l-esperjenza jgħix l-imħabba t’Alla permezz tal-viżjoni tal-profeti (Mose u Elija) flimkien mal-leħen minn ġo sħaba. Dan kollu jkompli jikkonferma l-pjan li l-Mulej kellu għal Kristu.

Għalfejn id-dixxipli telgħu fuq il-muntanja ma’ Ġesù?

Żgur li kienu maħsudin u imħawwdin wara l-aħbar li rċevew li l-Messija kellu jbati u jmut… imma din l-esperjenza kienet kollha esperjenza ta’ glorja. Kif?

Aħna kollha għaddejna minn mumenti qawwijin fil-fidi tagħna – forsi xi mument ta’ talb, f’xi knisja partikolari, f’xi laqgħa partikolari, f’mumenti fil-ħajja tiegħek. Tiftakar x’kienu dawn il-mumenti ta’ trasfigurazzjoni fil-ħajja tiegħek?

  1. Trasfigurazzjoni – Mument temporanju/mhux għalissa

Mument sabiħ ħafna (trasfigurazzjoni)  – mument wieħed biss…f’daqqa waħda jispiċċa kollox. Fil-ħajja tagħna ngħaddu minn mumenti qawwijin ta’ esperjenza spiritwali, ta’ ferħ u imbagħad bħal donnu nerġgħu niġu lura għan-normal. Pietru mimli ħeġġa jixtieq jibni t-tined imma f’dak il-mument l-importanti kien li jgħix il-mument preżenti u joqgħod ftit kwiet u jiggosta dak li kien qiegħed jgħix.

Jiġrilna li ma nirrealizzawx biżżejjed li dawn il-mumenti (ta’ trasfigurazzjoni) huma biex iqawwuna u jħeġġuna fil-ħajja u l-fidi tagħna ta’ kuljum, bħal donnu nkunu nixtiequ li jkunu ta’ kuljum…imma lkoll nafu li dan ma jsirx, minkejja li d-dinja u s-soċjetà tal-lum tipprova taħrab mis-sagrifiċċji u l-ordinarjetà ta’ kuljum.

2. Trasfigurazzjoni – Mument li l-esperjenza tiegħu tibqa’

Tant kienu kuntent b’din l-esperjenza u b’dak li raw li Pietru xtaq li jibqgħu hemm, bħal donnu ma xtaqx jiċċaqlaq minn fejn kienu. Għalihom kien mument qawwi ta’ komunjoni u relazzjoni personali profonda ma’ Kristu qabel jersaq għall-passjoni.

Is-sħaba tad-dwejjaq/griż tinbidel f’espressjoni sabiħa ta’ kuraġġ u imħabba t’Alla – Dan hu ibni l-għażiż /din binti l-għażiża, li fih/a sibt l-għaxqa tiegħi…

Ġieli għixt mumenti li għinu fir-relazzjoni tiegħek mal-oħrajn, mal-Mulej?

3. Trasfigurazzjoni – tifkira tal-imħabba u l-viċinanza tal-Mulej

Wara din l-esperjenza qawwija, kien wasal iż-żmien li jerġgħu lura għal-ħajja normali. Huma jitħawwdu malli jisimgħu dak il-leħen mis-sħaba u jibżgħu, jaqgħu fl-art. Ġesù f’din l-esperjenza ta’ biża’ jersaq lejhom u jmisshom (dettal żgħir li jsemmi Mattew biss mis-Sinottiċi).

Hawnhekk Ġesù ried jurihom li minkejja li din l-esperjenza tat-trasfigurazzjoni mhux ser tibqa’ għal dejjem, imma hu ser ikun magħhom – ser jakkumpanjahom u jgħidilhom Qumu la Tibżgħux.

X’inhuma dawk il-memorji li jimlewk bil-kuraġġ f’mumenti ta’ dubji u ta’ qtigħ il-qalb?

fr. Terence Spiteri osa

veduti ġodda

20170517-JamesPizzuto-P5175230.jpg

Ritratt James Pizzuto

Il-mixja li għamlu t-tlett dixxipli għal fuq il-muntanja kienet fiha nfisha diġa esperjenza kbira. Imbagħad kellhom esperjenza aktar qawwija fejn raw lil Ġesù fil-glorja tiegħu. Hemmhekk saru jaru l-identità vera ta’ Ġesù.

Aħna nitilgħu l-muntanja u naraw veduti ġodda. Naraw l-ibliet minn punt differenti. Naraw is-sbuħija kif ma rajniex qabel. Aħna neħtieġu mumenti fejn nitilgħu l-muntanji ‘l hemm mill-ordinarju. Anke permezz tat-talb.

Bħal Ġesù għandna bżonn postijiet fejn nisimgħu l-kliem – int ibni, int binti l-għażiża. Int _____ ibni/binti l-għażiż/a. Nafu li jekk nemmnu verament dan kollu, il-ħajja tagħna tkun sfidata biex ninżlu aktar fil-fond. Kull meta nitilgħu l-muntanja mal-Mulej – nagħmlu l-vjaġġ miegħu, aħna nkunu mibdlula. Kif kull muntanja hija differenti, hekk ukoll kull mument mal-Mulej huwa worthwile.

Kull darba li nitolbu u niltaqgħu ma’ Ġesù, nirritornaw lura d-dar b’żerriegħa tajba – iż-żerriegħa tal-Kelma t’Alla. Il-Mulej jibgħat ix-xita u ż-żerriegħa titla. Tikber u tagħmel il-frott. Nirringrazzjaw ‘l Alla taż-żerriegħa u tax-xita li jibgħatilna, imma wkoll irrid nirringrazzjaw lil Alla tagħna nfusna li ħadna ħsieb din iż-żerriegħa.

Fl-istess ħin niftakru li l-wiċċ ta’ Ġesù idda u kien mimli ferħ u ħajja, kemm f’dan l-espisodju quddiem id-dixxipli, u wkoll fil-Qawmien mill-Imwiet. Imma bejn it-Transfigurazzjoni u l-Qawmien hemm wiċċ ieħor ta’ Ġesù. Mhux daqshekk wiċċ sabiħ...Huwa l-wiċċ sfigurat tat-tbatija, tas-salib, mimli dmija, msawwat, mkasbar.

Din il-kontemplazzjoni tal-wiċċ ta’ Kristu – wiċċ sabiħ u wiċċ sfigurat u mgħobbi bid-dnubiet tagħna, tqawwina biex nibqgħu mexjin f’din il-mixja fil-vjaġġ nisrani. Tinkoraġġina quddiem id-dnubiet tagħna. Tinkoraġġina fil-fiduċja. Huwa dejjem lest li jaħfrilna. Kemm aħna nistaqsuh.

Din il-kontemplazzjoni ta’ wiċċ ta’ Kristu turi li hemm diversi mumenti fil-ħajja, daqqa sbieħ u daqqa koroh – imma l-qawmien huwa l-aħħar kelma – huwa ħajja ġdida, glorja ġdida.

fr. David Cortis osa