‘Ħa jsir minni skond kelmtek’

GodswillIl-figura ċentrali f’dan l-aħħar Ħadd tal-Avvent hija Marija. Ir-rakkont tal-Vanġelu li l-knisja qeghda tippreżentalna għal dan il-Ħadd jitkellem dwar it-tħabbira tal-anġlu Gabriel lil Marija, rakkont li min jaf kemm-il darba smajnieh sa minn meta konna żgħar fil-klassijiet tad-duttrina. Minkejja dan, huwa rakkont attwali ħafna, rakkont li għadna nistgħu narawh fil-ħajja tagħna. Dan għaliex Marija tista tkun mudell għalina b’ diversi modi.

Lilna Alla, bħalma għamel ma’ Marija, jistedinna biex fil-ħajja tagħna nkunu parteċipi fil-pjan tiegħU ta’ salvazzjoni,  biss jista jiġri li ahna inkunu aljenati u allura ma nindunawx bis-sejħa tiegħu jew inkella niddeċiedu li ma nagħtux kaz. Nemmen li Marija qatt ma bassret li kellu jidrilha anġlu u jgħidliha dak li qalilha u li bħalna kellha hafna pjanijiet għall-ħajja u ħolm sabih. Iżda Alla kellu pjanijiet differenti għaliha. Din hija ukoll ir-realta’ li aħna ngħixu ta’ kuljum. Ħafna drabi jiġrilna li Alla jkun qed jitlob minna affarijiet li għalina jkunu diffiċli, joħolqulna skumdita, biża u forsi anke jħarbtulna xi ftit il-pjanijiet tagħna.

Sejħat li jagħmlilna Alla jistgħu ikunu diversi fosthom li nagħmel xi xogħol volontarju , nagħti xi servizz  fil-knisja li nifrekwenta, nattendi għal xi laqgħa ta’ talb jew ta’ formazzjoni  u ħafna oħrajn u jien nagħzel li ma naċċettax l-istedina għax min jaf in-nies jew sħabi x’ħa jgħidu fuqi, għax ma nkunx irrid inħarbat il-pjan tal-ġimgħa tiegħi,u nistgħu nibqgħu insemmu ħafna diffikultajiet oħrajn. Ejjew bħalma qal il-Papa Franġisku liż-żgħażagħ, inkunu protagonisti tal-istorja billi nagħżlu lil Ġesu’, li kif ikompli jgħid il-Papa, huwa Alla tar-riskju u mhux tal-kumdita. Bl-iva tagħha, Marija irriskjat il-pjanijiet tagħha, irriskjat li titħaġġar, irriskjat li n-nies jgħidu fuqha u dan kollu biex tagħmel ir-rieda t’Alla għaliha.

Il-fatt li Marija aċċettat ma jfissirx li fehemet kollox jew inkella li minn dakinħar il-ħajja tagħha saret bla problemi. Dan narawh f’diversi mumenti tul il-ħajja ta’ Marija fosthom il-mewt fuq is-salib ta’ binha Ġesu’. Fil-ħajja tagħna dejjem ser niltaqgħu ma’ problemi kemm jekk nagħżlu u kemm jekk ma nagħżlux li nwieġbu għas-sejħat li jagħmilna Ġesu’. Id-differenza qegħda li l-bniedem li jwieġeb għas-sejħat li jagħmillu Alla, ikunu xi jkunu, igawdi minn ferħ u paċi li ebda ħaġa oħra fid-dinja ma tista tatihomlu u għalhekk jaffronta l-problemi li jiltaqa’ magħhom b’perspettiva nisranija għax jaf li Alla m’hu ser jinsieh qatt u li ebda diffikulta m’hi ikbar minn Alla ‘għax għal Alla m’hemm xejn li ma jistax isir’.

Marija għalkemm bid-duluri ħabba l-mewt ta’ binha, il-Vanġelu jgħidilna li hi kienet wieqfa that is-salib, turiha li Marija għalkemm bid-dulur hija xorta baqgħet mhux merbuħa u pperseverat fil-kelma li tagħat lill-anġlu.

Imsaħħin mill-fidi kbira li kellha Marija, ejjew ma nibżgħux ngħidu iva lil Alla għal dak li jitlob minna biex bħalma permezz ta’ Marija, Gesu’ daħal fid-dinja, hekk ukoll permezz tagħna jidħol fil-qlub ta’ dawk kollha li niltaqgħu magħhom fil-ġranet ta’ kuljum.

Andrea Naudi

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s