Liema lingwa?

word_cloud_language.jpg7,000 lingwa differenti użati fid-dinja…x’varjetà! kif qatt jistgħu jiftehmu bejniethom il-bnedmin b’tant lingwi differenti? B’liema lingwa kien jitkellem Alla? B’liema lingwa jitkellem il-bniedem?

Fir-rakkont ta’ Pentekoste nsibu li l-appostli wara li rċevew l-ispirtu s-Santu bdew jitkellmu b’ilsna oħra.

X’kien qiegħed jiġri fl-Appostli wara l-mewt ta’ Ġesù? Kienu mimlijin biża’ li ser iduru kontrihom, u għalhekk issakkru fiċ-Ċenaklu bil-bibien magħluqa.

Lingwa tal-bniedem:

Biża (kulħadd l-istess) vs kuraġġ (kulħadd differenti):

imma magħqudin: Hawnhekk naraw kif il-biża ħakmithom u ma ħallithomx jesprimu lilhom infushom u dak li jemmnu fih. Il-biża ġġib iktar biża u nispiċċaw niddominaw jew neliminaw lil xulxin (mhux bilfors bl-armi, jew bi qtil imma anke bil-kliem tagħna, l-attitudni tagħna) għax ma naċċettawx li jkun hemm min jaħsibha differenti minna, għax ma naċċettawx id-differenzi ta’ bejnietna. (L-istess kif ġara f’Babel għax kienu kollha lsien wieħed, riedu li kulħadd ikun l-istess imma Alla niżel u ħawwad l-ilsna). Alla jixtieqna nkunu differenti, kif aħna, l-ispritu li jaħdem fina b’mod differenti f’kull wieħed minna.

L-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-appostli u allura fuqna lkoll permezz tal-magħmudija u tal-griżma jħeġġiġna biex niftħu l-bibien ta’ qlubna (mhux bil-bibien magħluqa) bħalma kienu l-appostli u niltaqgħu mal-ieħor/l-oħra. Inkun jien kif jien mingħajr maskra, mingħajr sbuħija artifiċjali imma noħroġ dak li hemm f’qalbi. L-ieħor ma jibqax għadu imma jsir ħuk/oħtok li miegħu/magħha tista’ taqsam ħajtek.

Lingwa t’Alla:

Alla ma kellux xi lingwa b’ħafna kliem u vokabularju imma kien jitkellem bil-lingwa tal-imħabba – ħajtu kollha mit-twelid sal-qawmien tiegħu. Ħajtu kollha kienet imħabba, kienet dawl li uriet it-triq u baqgħet tidwi anke meta l-appostli kienu magħluqa fiċ-ċenaklu.

L-imħabba daħlet permezz tal-ispirtu s-Santu (ilsna tan-nar) u meta reġgħu skoprew l-imħabba f’ħajjithom u ma beżgħux, allura intebħu li l-unika lingwa li tgħaqqadhom flimkien hija dik tal-imħabba.

X’inhu l-Ispirtu s-Santu?

Riħ

X’inhu l-ispirtu s-Santu? L-ispirtu (ruah) ifisser riħ. Kif ir-riħ jonfoħ kullimkien, anke l-ispirtu s-Santu għandu l-qawwa li jonfoħ fuq kulħadd. Illum, f’din is-solennita’ ta’ Għid il-Ħamsin niftakru f’dawk l-esperjenzi fil-ħajja tagħna fejn l-ispirtu s-Santu nefaħ u ġedded ħajjitna.

Niftakru ukoll kemm aħna stess konna spirtu ġdid fil-ħajja tal-oħrajn. Ir-riħ li jibdel, li jerġa jqajjem in-nar…liema kienu dawk l-esperjenzi fil-ħajja tiegħek li fihom ħassejt lill-Mulej jonfoħ fik…Esperjenzi oħrajn li fihom int stess kont ta’ riħ għall-oħrajn, billi emmint fil-kapaċitajiet ta’ ħaddieħor, inkuraġġejt, issapportjajt..ħeġġiġt…

Nar

L-ispirtu s-santu juri lilu nnifsu taħt il-forma tan-nar. In-nar iħeġġeġ, iqawwi, jimla, jinkuraġixxi. L-ispirtu mhux biss riħ li jmexxi u jbiddel imma huwa ukoll nar li jidħol fil-qalb, jgħinek tidħol fik innifsek, u tiskopri s-sabiħ li hemm ġo fik. In-nar li jnaddaf id-deheb, isaffi…joħroġ il-preġju, is-sabiħ tiegħek..x’inhuma l-affarijiet sbieħ li hemm f’ħajtek, x’barkiet qiegħed jagħtik il-Mulej fil-ħajja tiegħek?

Lenti ġdida

L-ispirtu s-Santu jagħtina lenti ġdida biex naraw il-ħidma tiegħu fil-ħajja tagħna u fil-ħajja ta’ oħrajn li ngħixu magħhom. Lest naċċetta din il-lenti biex nara dan kollu madwari, jew nippreferi noqgħod kif jien u nibqa’ nara l-affarijiet qegħdin jispiċċaw u m’hemmx tama li jinbdlu? Jien irrid nibda’ nkun t-tama fejn hemm biża, u tbatija għax l-ispirtu tal-Mulej ikun miegħi kull fejn inkun. B’liema lingwa ser nibda nitkellem?

fr. Terence Spiteri osa

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s