Alla magħna! – Kien, għadu u jibqa’

runner_footprint

Alla magħna! – Kien, għadu u jibqa’

Hemm tradizzjoni li tgħid li f’Ġerusalemm hemm marka tas-sieq ta’ Kristu ta’ qabel ma tela’ s-sema – l-aħħar marka li ħalla fuq l-art. Kemm hi vera jew le, kulħadd jista’ jkollu d-dubji fuqha..

Anke jekk ninsew il-marka ta’ sieq Kristu fuq il-blata tal-Axxensjoni, il-mistoqsija xorta tibqa’ tidwi: Kristu ħalla xi marka fid-dinja biex juri li rifes fuq il-blata li ngħixu fiha? Liema marka seta’ jħalli Kristu biex nistgħu nagħrfu min kien u kif kien jgħix?

Jgħidu li meta Kristu tela s-sema, mar jilqgħu l-Arkanġlu Gabrijel u wara li feraħ bih qallu – Issa li ż-żmien tiegħek fuq l-art għadda kif qed tippjana li dak li batejt tant għalih ma jmutx warajk imma jibqa’ jikber u jissaħħaħ fis-sekli ta’ wara?

Ġesù qallu “sejjaħt tnax-il ħabib, smat kulma kelli magħhom u ftaħt qalbi magħhom”. Gabrijel kemmex ftit xufftejh u qallu: “Imma, taf lil min għażilt hux – wieħed ittradiek, l-ieħor ċaħdek, l-ieħor ma emminx li rxuxtajt, l-oħrajn ħarbu, u kollha ssakkru u nħbew bil-biża’ malli sparixxejt int…għandek xi pjan ieħor (PlanB)!” Ġesù ħares lejh bi tbissima. “Dawk huma l-marka tiegħi fuq il-blata li hi d-dinja! Lilhom biss għandi.”

Dan li qal Ġesù fuq l-appostli qalu għalik u għalija – għalina bħala Knisja. Lilna biss għandu biex jibqa’ ħaj u preżenti fid-dinja tagħna. Bħall-appostli jdur fuqna u jgħidilna, “Morru mad-dinja kollha, kunu xhieda tiegħi biex ħutkom ukoll jiltaqgħu miegħi, isiru jafuni u jħobbuni. Kunu intom il-marka…il-footprint tiegħi li ma titħassarx.”

Aħna jista’ jkun li naqtgħu qalbna u bħal Gabrijel nkemmxu xufftejna u ngħidu, imma taf x’inti tagħmel? Ma tafx kemm aħna dgħajfin…imma Ġesù jħares lejna u jgħidilna “Għaliex taqtgħu qalbkom? Meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievi l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi fid-dinja kollha, kull fejn tkunu.

Jekk hu ma jaqtax qalbu mid-dgħufija, iċ-ċokon u l-infedeltajiet tagħna, għaliex għandna naqtgħu qalbna aħna? Dawk li għadhom ma ltaqgħux ma’ Kristu għalfejn għandhom jaraw fina Knisja b’qalbha maqtugħa minflok Knisja sempliċi, umli li taf tħobb u tħenn?

Ġesù twieled biex ikun magħna (Mt1 – Emmanuel) u mhux ser iħallina waħedna (Mt28 – jien magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien) Ġesù ried jibqa’ magħna, imma issa b’mod differenti – għeb minn quddiem għajnejna biex nistgħu narawh dejjem u f’kulħadd. Din il-footprint ma tgħib qatt – għax fejn jirfes Kristu, tirfes l-imħabba, u kull fejn tmiss l-imħabba tinbet il-ħajja li ma tispiċċa qatt.

X’ser tgħid? X’ser tagħmel? Se tibqa’ tħares lejn is-sema tistenna l-manna nieżla? Mhux aħjar isammar saqajk mal-art, ixxammar il-kmiem biex b’dak li tagħmel, b’imħabbtek tkun int il-footprint ta’ Kristu…Bik Kristu jista’ jkompli jwassal l-Bxara t-Tajba lill-bnedmin tal-lum!

fr. Terence Spiteri osa

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s